Jinbeda l-proċess biex isiru proposti ghal bidliet fl-Att dwar ix-Xogħol u l-Impjiegi sabiex jirrifletti r-realtajiet tal-lum u ta’ għada

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela inkariga tliet persuni li se jkunu qegħdin  imexxu proċess sabiex jissuġġerixxu emendi fil-liġi tar-relazzjonijiet industrijali u tal-impjieg (Kap.  452). 

Il-persuni inkarigati huma l-Professur Edward Zammit, li sa ftit ilu kien imexxi l-Bord dwar ir Relazzjonijiet tal-Impjiegi u llum huwa konsulent tal-ministru, flimkien ma’ Dr Cory Greenland u Dr  Sharon Fenech, t-tnejn esperti fil-liġi tax-xogħol. 

Ix-xogħol ta’ dawn l-esperti se jkun li janalizzaw il-liġi kif inhi preżentament u jindikaw kif u fejn  għandhom isiru tibdiliet fiha sabiex din tirrifletti l-iżviluppi fil-qasam industrijali u tax-xogħol fl aħħar snin, kif ukoll li jsaħħu r-reżiljenza tagħha għal żviluppi oħra f’dan il-qasam fil-futur. 

Ħabbar dan waqt diskussjoni li saret fl-Università l-Qadima fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-40 sena  minn mindu twaqqaf iċ-Ċentru tal-Istudji tax-Xogħol fi ħdan l-Università ta’ Malta. 

Il-Ministru Abela spjega li l-bidliet issuġġeriti minn dawn it-tliet esperti se jwasslu biex jitressaq ‘il  quddiem abbozz ta’ liġi ġdid li jemenda l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg quddiem  il-Kabinett u eventwalment fil-Parlament. Dawn il-persuni għandhom jaraw rapporti li saru fil-passat,  kif ukoll jikkonsultaw lil min iħossu xieraq sabiex jaslu għall-proposti tagħhom. Dwar dak li se jiġi  ssuġġerit, se jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni mas-sħab soċjali. 

Il-ministru qal li minn meta daħal l-Att fis-seħħ kważi 20 sena ilu, din se tkun l-ewwel darba li se jsir  eżerċizzju ħolistiku biex janalizza fis-sħiħ it-tibdiliet meħtieġa. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Abela spjega wkoll li s-suq tax-xogħol adatta għall-mixja taż-żminijiet  b’tibdil fl-etajiet tan-nies li jaħdmu, l-ammont ta’ nisa fil-post tax-xogħol, kif ukoll fin-nazzjonalità  u l-ħiliet. Semma kif illum qed nesperjenzaw revoluzzjoni industrijali ġdida u l-isfidi li qed niffaċċjaw  huma ekwivalenti għal dawk tar-rivoluzzjonijiet preċedenti, u qed jaffettwaw l-aspetti kollha ta’  ħajjitna. 

Il-Ministru Abela qal li s-suq tax-xogħol huwa wkoll xhieda tas-saħħa ta’ djalogu soċjali prevalenti  u sod, fejn il-partijiet ikollhom iċ-ċans għal diskussjoni sinċiera, speċjalment meta wieħed jikkonsidra  l-effetti li tilwim industrijali u kwistjonjiet oħrajn jista’ jkollhom fuq is-soċjetà u l-ekonomija. L-opinjoni tal-imsieħba soċjali hija wkoll importanti sabiex insaħħu l-liġijiet u l-politika tas-suq tax xogħol.  

F’dan il-kuntest huwa ħeġġeġ liċ-Ċentru tal-Istudji tax-Xogħol sabiex jibqa’ jaġġorna ruħu  kontinwament ħalli r-riċerka u t-tagħlim tiegħu jkomplu jiġu mgħallma b’mod li jibqgħu l-iżjed  avvanzati bħal ma kienu fl-aħħar 40 sena.

Share With: