Jibqa’ jinżamm arrestat ir-raġel akkużat b’allegat attentat ta’ qtil fil-Gżira

Raġel ta’ 29 sena baqa’ jinżamm taħt arrest wara li ċaħad l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor.

Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija rċeviet telefonata minn raġel ta’ 36 sena li qal li waqt li kien jinsab fl-appartament tiegħu fil-Gżira, l-akkużat – Justin Dimech – daħal b’forza fl-appartament, xerred petrol, tah in-nar u wara ħarab minn fuq il-post.

L-allegat vittma qal li flimkien ma’ mara li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.

Il-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel fuq il-post u sabu lill-vitttmi – raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 40 sena. Ir-raġel kellu jittieħed għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.

Mill-investigazzjonijiet illi saru, fi ftit ħin il-pulizija irnexxielha tidentifika l-allegat agressur, iċċirkodaw ir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium, Gżira u ġie arrestat. 

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat ma offra l-ebda spjegazzjoni lill-Pulizija dwar l-aġir tiegħu.

Dimech kien anke mixli b’pussess u traffikar ta’ droga, wara li minn tfittxija fir-residenza tiegħu, il-pulizija sabu aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-Qorti ordnat l-iffriżar kollha tal-assi tar-raġel u ordnat li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Ma saret l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest.

L-avukat Anthony Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Shaun Pawley u Jonathan Ransley mexxew il-Prosekuzzjoni.

L-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja. L-avukat Charles Mercieca deher parte civile għall-vittma.

Share With: