Jhedded lill-eks-mara tiegħu li se jaħtaf lil uliedhom biex ma tkunx tista’ tarahom aktar

Raġel illum kien akkużat li hedded lil martu u li hedded li jaħtaf lil uliedhom biex ma tkunx tista’ tarahom aktar.

Ir-raġel, li għandu nazzjonalità Libjana u għandu 42 sena, ċaħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur tal-Pulizija Audrey Micallef qal li l-koppja kellhom żewġt ibniet ta’ seba’ u disa’ snin. Il-mara għandha kustodja tat-tfal, bir-raġel jara lit-tfal darbtejn fil-ġimgħa taħt superviżjoni mill-aġenzija Appoġġ.

L-Ispettur Micallef qalet li kien hemm jum sħiħ ta’ messaġġi b’theddid mibgħutin fuq WhatsApp, fejn fost oħrajn hedded lill-mara li kien se jaħraqilha demmha” u li kien se jaħtaf lit-tfal biex ma tkunx tista’ tarahom aktar.

L-avukati Mario Mifsud u Matthew Xeureb qal li dawn l-inċidenti bejn ir-raġel u martu kienu kostanti, inkluż waqt proċeduri fil-Qorti tal-Familja.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li r-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest, minħabba li fil-passat kien diġà nstsab ħati ta’ vjolenza domestika.

Il-Maġistrat Victor Axiaq staqsa għaliex ma kinitx inħarġet ordni temporanza ta’ protezzjoni jekk l-inċident kien seħħ kważi ġimgħa ilu.

Huwa ta l-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa ordnalu wkoll biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa.

Il-Qorti ordnat li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur l-eks-mara tar-raġel u taż-żewġ uliedhom.

Share With: