Jason Azzopardi: “Ġej uragan fuq Malta”

Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar ix-xogħol Jason Azzopardi sostna fil-Parlament li fuq Malta ġej uragan mhux mil-lat ta’ temp imma minħabba l-korruzzjoni.

Huwa irrimarka dan waqt li kien qed jitkellem fis-seduta li fiha l-Parlament kompla jiddiskuti l-liġi li se tagħti lura lill-ħaddiema ġurnata leave għal kull festa li taħbat fi tmiem il-ġimgħa.

Azzopardi iddeskriva bħala nofs verità l-istqarrija tal-Gvern Laburista li dak Nazzjonalista seraq il-festi lill-ħaddiema u sostna li fi żmien il-Gvern ta’ Gonzi minbarra l-kriżi finanzjarja madwar id-dinja kollha kellek il-prezz taż-żejt f’livelli għolja.

Huwa żied li l-Gvern Laburista daħħal fil-pajjiż il-kapitaliżmu prekarju u waqt li akkużah li ġab politika ta’ ‘cheap labour’ sostna li waqt li taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm 5% tal-ħaddiema f’riskju tal-faqar taħt dan il-Gvern żdiedu għal 6.5%.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon wieġbu li veru li dawk f’riskju ta’ faqar huwa ta’ 19% imma fakkar kif fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista r-rata kienet ta’ 24%.

Falzon żied li minkejja r-realtajiet tal-lum tal-Covid19 il-Gvern xorta żied il-benefiċċji u kompla jagħti benefiċċji lill-poplu u ma qagħadx iġib skużi bil-pandemija waqt li iddeskriva din l-emenda fil-liġi bħala għotja lill-poplu biex iqatta’ iktar ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb anke jekk dan kien ristrett matul din is-sena ta’ pandemija.

Anke l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri elenka l-miżuri li daħħal il-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja waqt li irrimarka kif anke fuq livell Ewropew il-Gvern, permezz tal-ewroparlamentari Aleks Agius Saliba, ħadem fuq ir-‘right to disconnect’.

Huwa semma kif fil-qasam li tiegħu responsabbli l-Gvern ta iktar drittijiet lill-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati mentri Gvern Nazzjonalista ma tahomx il-ħlasijiet li kienu dovuti liema ħlasijiet qed jingħataw taħt dan il-Gvern.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield fakkar kif waqt li l-Gvern Nazzjonalista neħħa l-jum leave għal festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa żied bil-moħbi s-salarju tal-ministri u s-segretarji parlamentari waqt li stieden lil Jason Azzopardi jgħid jekk kulħadd irritornax iż-żieda li ħadu minn wara dahar il-poplu.

Huwa wkoll elenka l-miżuri li daħħal dan il-Gvern biex jgħin lill-poplu nkluż familji u fakkar kif dawn baqgħu jiżdiedu anke fi żmien il-pandemija.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli iddeskriviet dan il-Gvern bħala wieħed li jżomm il-wegħdiet tiegħu u hekk kien qed jagħmel fir-rigward ta’ din l-emenda.

Hija qalet li l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-ħażin li sar taħt Gvern Nazzjonalista u qed jagħti lura lill-poplu dak li kien misruq taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Share With: