It-tilqim fid-djar tal-anzjani jintemm il-ġimgħa d-dieħla

Il-ġimgħa d-dieħla mistenni jiġi konkluż l-għoti tat-tilqim kontra l-Covid-19 lir-residenti kollha fid-djar tal-anzjani.

Kien il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia li kkonferma dan ma’ L-Orizzont wara li tlabnieh jgħidilna f’hiex wasal il-proċess ta’ tilqim fid-djar tal-anzjani. Il-Ministru Farrugia ppreċiża li d-data li fiha mistenni jkun lest dan il-proċess se jkun l-4 ta’ Marzu. 

Kien fl-1 ta’ Jannar meta ngħatat l-ewwel tilqima f’San Vinċenz, bl-ewwel persuna li teħodha tkun anzjana ta’ 94 sena. Il-proċess tal-għoti tat-tilqim issokta fil-jiem ta’ wara fejn ħaduha wkoll anzjani li huma akbar fl-età, fosthom l-akbar anzjana li hemm fir-residenza, li għandha 104 snin.

Sussegwentement, mis-7 ta’ Jannar, beda jingħata wkoll t-tilqim fid-djar tal-anzjani l-oħra, bl-ewwel waħda tkun dik tal-Mellieħa. Fid-29 ta’ Jannar, ir-residenti kollha fi djar tal-anzjani flimkien mal-istaff li jieħdu ħsiebhom, bdew jieħdu wkoll it-tieni doża tat-tilqima, b’dan il-proċess mistenni jiġi konkluż il-ġimgħa d-dieħla.

Share With: