“It-tiġdid kruċjali biex inkunu aktar kompetittivi u sostenibbli”

Jgħid dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb f’intervista ma’ Inewsmalta

Minn Claudio Coleiro

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, huwa tal-fehma li t-tiġdid li hemm bżonn jgħaddi minnu l-pajjiż huwa kruċjali biex nibqgħu nkunu kompettitivi u sostenibbli. F’intervista ma’ dan is-sit, il-Perit Xuereb iddikjara li dan it-tiġdid jirrikjedi li prinċiparjament tingħata attenzjoni lis-saħħa tan-nies, li naħdmu aktar fuq id-diġitalizzazzjoni u li nagħrfu nisfruttaw l-opportunitajiet li se jiġu wara l-pandemija, inkluż dawk relatati mat-tibdil fil-klima. 

Għaddew 11-il xahar mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna. Mill-bidu tagħha sal-lum, x’differenza taraw li kien hemm anke fir-rigward tal-miżuri li ttieħdu mill-Gvern biex fost oħrajn jgħin lill-intrapriżi lokali?

Il-miżuri, li kienu varji, nafu li ħadmu. Kien hemm erba’ baġits matul is-sena li għaddet. Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali, inkluż mal-Kamra tal-Kummerċ, li kienu b’saħħithom.

Kien hemm ħafna diskussjoni. Il-kritika pożittiva ta’ kif wieħed jista’ jagħmel l-affarijiet aħjar, nħasset. Għalhekk illum nistgħu nħarsu lura u ngħidu li l-miżuri kollha li ħa l-Gvern waqt il-pandemija fl-2020 ħadmu. Ħadmu għal raġuni li b’xi mod jew ieħor, komparat ma’ pajjiżi oħrajn, dan jibqa’ l-aktar pajjiż fejn il-qgħad ma żdiedx.

Dan minkejja li l-Kamra tal-Kummerċ kienet tat parir lill-Gvern li jekk ma jsir xejn, kien se jkollna mal-50,000 persuna li se jispiċċaw bla xogħol. Rajna wkoll li malli bdew jiġu rilaxxati l-miżuri, in-numri bdew jonqsu. 

Li ma konniex qed nagħtu kas, kienet ir-reżiljenza tal-intrapriżi Maltin. Fir-realtà, ma setax ikun li l-qgħad jibqa’ xejn. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Maltin fil-maġġorparti tagħhom baqgħu f’impjieg mal-employer oriġinali tagħhom. Bejn il-miżuri li ħadmu ħafna u r-reżiljenza u r-relazzjoni b’saħħitha li teżisti bejn min iħaddem u l-impjegat issarrfu għar-riżultat fejn qegħdin illum.

Ma jfissirx li ħriġna. Għad fadlilna ftit ieħor. Però sa fejn wasalna llum, meta nikkumparaw ma’ dak li stennejna f’Malta fl-agħar żmien u dak li qed naraw jiġri f’pajjiżi oħra, żgur li morna ħafna aħjar minn pajjiżi oħra.

Kien hemm xi miżuri partikolari li sħaqtu fuqhom u li llum qed naraw il-frott tagħhom?

Hemm ħafna miżuri. Pereżempju l-likwidità fejn jidħlu banek. Hemm ukoll il-Wage Supplement. Konna ilna mill-bidu nitkellmu fuq wage supplement li tkun miżurata għal min verament għandu bżonnha. Issa qed naraw li din ġiet aġġustata biex tiġi mkejla skont tibdil fid-dħul. Dawk kienu pariri li konna qed nagħtu lill-Gvern sa minn Mejju li għadda. Huwa tajjeb li saru. Il-vawċers ħadmu wkoll u meta l-affarijiet jiġu għan-normal mil-lat ta’ saħħa, jerġgħu joħorġu. 

Bħala Kamra tal-Kummerċ li tiddistingwinna ftit, hi li l-miżuri ta’ salvagwardja, ta’ konservazzjoni ta’ relazzjoni bejn l-impjegat u min iħaddem, permezz pereżempju tal-wage subsidy, filwaqt li hi tajba u kellna bżonnha fi żmien ta’ xokk, issa huwa żmien li nħarsu lil hinn milli nikkonservaw dik ir-relazzjoni u nibdew nagħmlu xi ħaġa bis-serjetà biex niġġeddu.

Il-pandemija tatna opportunità kbira. Bla dubju fuq livell ta’ tiġdid ekonomiku din hija opportunità u kull ġurnata li tgħaddi li fiha aħna nibqgħu niffukaw fuq il-konservazzjoni u ma niffukawx fuq riġenerazzjoni hi ġurnata mitlufa. Il-Gvern din irrikonixxieha.

Il-Kamra tal-Kummerċ nediet ukoll il-proġett ta’ ‘business reengineering’, fejn il-konsulenti huma kollha ‘listed’ illum biex jistgħu jaħdmu ma’ kull intrapriża f’Malta li jista’ jkollha l-bżonn issaqsi mistoqsijiet diffiċli bħal x’inhuma l-affarijiet fl-intrapriża/negozju tiegħu qabel il-pandemija li kienu qed jaħdmu biex insaħħuħom, x’kien dak li ma kienx qed jaħdem biex inbiddluh u x’inhuma dawk l-‘areas’ li ma kellniex ċans nikkonsidraw li nistgħu nipprovaw nidħlu fihom biex niġġeddu u nsiru aħjar biex verament inkunu sostenibbli.

Għadna fil-bidu ta’ dan il-proġett. Għandna negozji Maltin membri tagħna li telqu jiġru fuq livell ta’ diġitalizzazzjoni u tibdil fil-loġistika tal-mod kif jaħdmu. Bħala Kamra tal-Kummerċ, aħna viċin tagħhom ħafna u ngħinuhom. 

Meta nħarsu lura, sentejn jew tliet snin oħra u naraw xi stajna għamilna aħjar, żgur din se tkun waħda mill-affarijiet li ma nixtieqx li ngħidu missna għamilna aħjar u missna aġixxejna qabel. It-tiġdid huwa dak li jgħinna nikkompetu ma’ pajjiżi oħrajn. Irridu nkunu fuq in-naħa ta’ fuq tat-tabella tal-pajjiżi li għandhom ekonomija kompetittiva u sostenibbli. 

Riċentament issemma li l-pandemija kellha impatt 50 darba aktar mir-riċessjoni li laqtet id-dinja fl-2008. X’inhuma l-kummenti tiegħek dwar dan u kif qed tħarsu lejn l-ekonomija għal din is-sena u anke lil hinn?

Din il-pandemija hija kbira ħafna għal raġuni li laqtet kollox. Fejn fl-2008/09 kienet id-dinja tal-ekonomija finanzjarja u fuq livell ta’ supply li ġie affettwat, issa m’hawn l-ebda parti tal-ekonomija, ħlief forsi fil-gaming, li ma ħadux daqqa jew ħassu l-effetti.

Hija ħafna akbar għax bħala ekonomija qed taffettwa ruħha minn kull parti tal-ekonomija. L-irkupru mhux biss wieħed li jrid ikun iffukat fuq parti tac-‘chain of events’ li jagħmel l-ekonomija ta’ Malta u d-dinja imma kollox.

L-ewwel irridu naraw is-saħħa fiżika u mentali, tan-nies li jiġu jżuruna, li jiġu jagħmlu negozju f’Malta. Iktar ma ndumu biex ikollna saħħa globali anke fl-aktar pajjiżi fqar tad-dinja iktar indumu biex nirkupraw. 

Bla dubju, l-effett fuq l-ekonomija huwa bla preċedent. Ma rridux nassumu li din hi ħaġa żgħira u minn hawn u ftit ieħor se jgħaddi kollox. Bis-saħħa tal-vaċċin se nibdew naraw in-normalità tal-ħajja soċjali ġejja lura. Nisperaw li jdumu jaħdmu fina wkoll.

Malli jkollna din il-kunfidenza, inkunu nistgħu nibdew inġeddu l-ekonomija tagħna. It-tiġdid se jkollu bżonn ħafna xogħol. Irridu naraw jekk hux turiżmu, manifattura, servizzi, retail, dak kollu li huwa parti miċ-ċirku tal-ekonomija tagħna, dak irid jiġi mġedded.

It-tiġdid fl-opinjoni tal-Kamra tal-Kummerċ huwa pjuttost ċar dwar xiex għandu jiġi influwenzat. 

* Is-saħħa tan-nies – Kull tip ta’ ekonomija se jkollha marbuta magħha l-effetti tas-saħħa pubblika, l-effetti ġenerali u l-effetti tas-saħħa mentali. Is-saħħa se tkun pedament importanti tal-valuri li se jiffurmaw l-ekonomiji tal-futur.

* Id-diġitalizzazzjoni – Din diġà qed taffetwana llum u se taffettwa l-mod ta’ kif se niżviluppaw fis-snin li ġejjin. Iktar ma ndumu ma nabbraċċaw id-diġitalizzazzjoni fin-negozji tagħna, mhux biss kbar, imma anke dawk żgħar u medji, iktar se jkollna diffikultà. Huwa importanti għalhekk li l-Gvern u n-negozji jagħmlu minn kollox biex jutilizzaw ir-riżorsi, l-opportunità u l-effiċjenza li toffri d-diġitalizzazzjoni.  

* It-tibdil fil-klima. Nitkellmu ħafna fuq l-ambjent, is-siġar u l-pjanti. It-tibdil fil-klima iżda tikkonċerna wkoll l-għażliet li nagħmlu personali jiena u inti, li jagħmlu n-negozji, it-turisti, il-fabbriki u kull min jaħdem f’uffiċċju li se jgħinuna nnaqsu l-carbon footprint, tagħna individwali, tagħna bħala kumpanija jew tagħna bħala pajjiż u bħala dinja.

Bħala Kamra tal-Kummerċ, meta qed tistennew li nirritornaw għan-normalità?

Aħna naħsbu li wara li jkun hemm il-herd immunity, il-Ministru tas-Saħħa qalilna li l-pjan huwa li nilħqu dan sa Settembru, liema pjan huwa bbażat fuq is-supply tal-vaċċin minn min qed jipproduċih, żgur se jkun hemm bżonn ta’ almenu sentejn biex niġu lura għal fejn konna fuq livelli ta’ numri, li jkollna revenues, il-GDP illi jilħaq ammonti li konna mdorrijin bihom.

Il-mod kemm se niġru biex dan niksbuh jiddependi minn kemm niġġeddu malajr, nedukaw ruħna malajr, iktar ma nagħrfu s-saħħa pubblika, id-diġitalizzazzjoni kif ukoll l-opportunitajiet relatati mat-tibdil fil-klima.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kamra tal-Kummerċ nediet rapport dwar ir-riforma meħtieġa fix-xiri pubbliku. X’kienu l-proposti ewlenin li jissemmew f’dan ir-rapport?

F’Jannar 2020, wara perjodu ta’ taqlib politiku ta’ governanza li kellna fil-pajjiż ftit qabel, dehrilna li flok noqogħdu nikkritikaw il-Gvern, noħorġu b’dokument jismu ‘Ethical business calls for change’ fejn għamilna numru ta’ rakkomandazzjonijiet fuq x’ridna naraw biex il-pajjiż jgħolli l-livell ta’ governanza.

Ippreżentajnieh lill-Gvern u nieħu pjaċir nara li dan qed jintuża bħala punt ta’ referenza ta’ x’wieħed għandu bżonn jagħmel biex jgħolli l-profil tal-pajjiż fuq livell ta’ reputazzjoni u governanza.

Però erbgħa minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet li nedejna kienu fuq ix-xiri pubbliku. Jidhrilna li parti mill-problema li kien hemm huwa kif jintużaw flus pubbliċi biex jinxtraw servizzi prodotti permezz ta’ tenders. 

Ilna naħdmu fuq dan il-proġett għal dawn l-aħħar sitt xhur. Ġibna esperti minn kull kamp tal-ekonomija. Ħriġna b’dokument jismu ‘Public Procurement Reform 2021’ li fih xejn inqas minn 36 rakkomandazzjoni. Sħaqna li biex inkunu responsabbli, kull min jittenderja, nies fil-kummerċ, iridu jaċċertaw rwieħhom li qed joperaw fuq livell etiku u ta’ liġi, li m’hemm xejn illegali fl-operat tagħhom. 

Jissemmew ukoll id-direct orders. Hawn qed ngħidu li kull fejn ikun hemm dawk iċ-ċirkostanzi tajjeb li jintgħarfu u l-ġustifikazzjoni għal direct order importanti li tkun magħrufa u trasparenti biex ma jdaħħlux dubji f’moħħ min jixtieq jittenderja jew mill-pubbliku stess li flusu qed jintefqu proprju f’dawn id-direct orders.

Fl-aħħar nett, x’inhi l-viżjoni tagħkom għas-snin li ġejjin?

Il-viżjoni ekonomika tal-pajjiż li nedejna s-sena l-oħra kienet Smart Sustainable Island. Ħaddimna bi grass roots tal-Kamra tal-Kummerċ 150 ruħ biex ħdimna b’think tank li ġġenera l-viżjoni ekonomika li nedejna f’Awwissu li għadda fil-preżenza tal-President tar-Repubblika.

Ġimgħa wara, il-Prim Ministru u l-Kabinett kienu ġew il-Kamra tal-Kummerċ u nedew il-viżjoni ekonomika tal-Gvern. Aħna naqblu ma’ dik il-viżjoni ekonomika li hija bbażata fost oħrajn fuq governanza tajba, diġitalizzazzjoni, kwalità, l-ambjent u s-sostenibbiltà fejn hawn qed nitkellmu mhux biss fuq siġar u pjanti imma anke l-użu ekwu tal-mod kif pajjiż tagħna juża r-riżorsi tiegħu filwaqt li jgħolli l-livell tal-kwalità tal-ħajja tan-nies  tiegħu. Irridu naħdmu wkoll fuq id-distakk li hemm li qed jiġi ppreparat fl-iskejjel tagħna u dak li għandha bżonn l-industrija llum u għada. 

Il-Kamra tal-Kummerċ tixtieq li tibqa’ tipparteċipa biex tixpruna li jsir tibdil fl-ekonomija u fil-kwalità tal-ħajja f’dan il-mument propizju. Jekk nieħdu opportunità minnha u nattwaw din il-viżjoni u nagħrfu r-realtà li għandna quddiemna, ikun hemm ċ-ċans li jkollna ekonomija b’saħħitha u forsi ħafna aktar milli qatt kellna fil-passat. 

Share With: