Isofri ħruq f’partijiet minn ġismu waqt li kien f’residenza fl-Imsida

Aktar kmieni llum, għall-ħabta tat-3:00 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li aktar qabel, għal xi nofsillejl, iddaħħal raġel l-Isptar Mater Dei għax kien sofra xi ġrieħi waqt li kien fir-residenza tiegħu fl-Imsida.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel, li għandu 41 sena, sofra xi ħruq f’partijiet minn ġisimu, x’aktarx kawża ta’ xemgħa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi sejri.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: