Isofri ġrieħi gravi wara li jisfa milqut wara inċident bejn tliet vetturi

Raġel ta’ nazzjonalità Pakistana sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bejn tliet vetturi f’Ħaż-Żebbuġ. L-inċident seħħ fi Triq l-Imdina għall-ħabta tat-7.45 a.m.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li l-inċident kien jinvolvi vann Isuzu Elf li kien misjuq minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi, mutur Honda misjuq minn Taljan ta’ 45 sena residenti San Pawl il-Baħar, u Mazda Demio li kienet misjuqa minn raġel ta’ 40 sena residenti Ħal Qormi.

Konsegwenza tal-ħabta, ir-raġel mill-Pakistan, li fil-mument tal-inċident kien miexi, intlaqat u sofra xi ġrieħi.

Tim mediku ssejjaħ fuq il-post fejn ta l-ewwel għajnuna, filwaqt li ambulanza ħadet lill-Pakistan l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: