Is-soċjali u l-ambjent

Minn Dr Alfred Sant

Is-soċjalisti Ewropej qed jagħmlu tajjeb – u dwar dan jien mija fil-mija allinejat ma’ li jgħidu – meta jinsistu fuq l-għan ambjentali biex il-bidla fil-klima tiġi mrażżna. U meta fl-istess nifs jinsistu li dat-trażżin irid isir b’mod li jħares il-qagħda soċjali ta’ min se jsib l-andament ta’ ħajtu mxekkel b’li jkun għaddej.

Ma jiswiex pereżempju, li biex il-klima terġa’ tiġi taħt kontroll, il-ħajja ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema fil-minjieri tal-faħam u tal-familji tagħhom tispiċċa mħarbta qisu ma ġara xejn. Il-moviment lejn ambjent imnaddaf mill-fatturi li qed joħolqu ħsara kbira fil-klima jrid isir id f’id ma’ żviluppi soċjali li jiggarantixxu li l-piżijiet jinqasmu bil-fier u b’ġustizzja.

Biex inkunu onesti, hekk qed tiddikjara l-Unjoni Ewropea fil-“Green Deal” – in-“Negozju Aħdar” – li qed tippromwovi. Biss, mhux kulħadd qed jemmen li dan se jsir.

Għalhekk hu essenzjali li l-għanijiet soċjali jiġu mistqarra bl-istess qawwa daqs l-għanijiet ambjentali… jekk mhux aktar.

***

Mar-Russja

Diġà għedtha drabi oħra imma jkolli nerġa’ ngħidha. Ili s-snin nemmen li r-Russja ma ġietx ittrattata b’mod sensibbli mill-Ewropej u l-Amerikani… u naħseb li kelli raġun.

Il-pajjiż irritalja għal li kienu qed jimponu fuqu b’mod qawwi u wettaq żgarraturi mhux żgħar. Xorta stajt nara u nifhem il-loġika li biha l-amministrazjoni ta’ Putin kienet qed taħdem… u mhux biss fis-sens nazzjonalistiku tal-kelma.

Imma llum, ma nħossx li nista nibqa’ nagħti dak l-appoġġ li kont nagħti sa ftit taż-żmien ilu… talanqas billi ma napprovax inizjattivi ostili għat-tmexxija Russa.

Għamilt snin twal fl-oppożizzjoni u nifhem sew il-problemi ta’ min ikollu dak ir-rwol. Il-mod kif il-gvern baqa’ jittratta l-kap effettiv tal-oppożizzjoni fir-Russja tul l-aħħar xhur kien inkredibilment goff, biex ma ngħidx kriminali. L-ispjegi li qed jingħataw ta’ dan l-aġir ma jitwemmnux.

***

Tal-lemin f’Malta

Il-kelliema tal-lemin f’Malta – fl-akbar biċċa minnhom segwaċi tal-PN – għandhom karatteristika tassew partikolari. U minkejja li fl-aħħar snin, inqasmu f’kampijiet differenti, qed ninnota li dil-ħaġa baqgħet tiddistingwihom minn ħaddieħor.

Din hi li fl-espressjoni u fil-kundanni tagħhom jafu jkunu qarsa u qawwija bla limitu, ħafna drabi bla ġustifikazzjoni ċara. Biss imbagħad, meta ħaddieħor jittrattahom bl-istess mod, malajr jilgħabuha tal-qaddisin u l-imweġġgħa. U jilmentaw kif ħaddieħor qed jikser kull regola ta’ fair play.

Matul is-snin, iltqajt ma’ ħafna mħarrġa f’dis-sengħa ta’ qdusija finta li madankollu timpressjona lil bosta. M’inix se nsemmihom hawn biex ma niftaħx feriti qodma.

Imma jkolli ngħid li l-kelliema leminin tal-lum xejn ma jagħmlu għajb lil ta’ qabilhom f’dil-logħba.

Share With: