“Irrid inwassal messaġġ lil nisa oħra” … Ikkonfrontat raġel li ġibdilha filmat fuq ajruplan

Fid-dinja ta’ llum, bil-mezzi teknoloġiċi li jeżistu tista’ tgħid li hu faċli ħafna li jinġibdu xi filmati tiegħek jew nies oħra u kważi kważi lanqas tinduna li jkunu nġibdu. Dak li jkun forsi taħseb li qed jibgħat xi messaġġ fuq il-mowbajl, mentri li jkun qed jieħu filmat li min jaf fejn jista’ jispiċċa.

Fl-aħħar sigħat seħħ każ li qed iwassal messaġġ lin-nisa madwar id-dinja.  Omm minn Melbourne li kienet fuq titjira ndunat li kien hemm raġel faċċata li beda jiġbdilha filmat.

Anueta Madison Vandebuilt tellgħet filmat hi fuq is-sit TikTok u fiha qalet li r-raġel li jidher fil-filmat kien ġibdilha filmat ta’ 10 minuti. Fil-filmat li tellgħet hi, il-mara tidher tikkonfronta lir-raġel. Tinstema’ tgħidlu, ‘skużani, se nagħtik ċans wieħed. Ħassar il-filmat jew nirrappurtak lill-Pulizija kif ninżel mill-ajruplan.  Ħassru!”

Jidher li l-mara wara kienet eskortata mill-Pulizija u dawn irringrazzjawha talli kienet kapaċi tagħmel dak l-att. “Nittama li dan il-każ iqajjem kuxjenza fost in-nisa madwar id-dinja. Jekk taraw hekk tkellmu”, saħqet Anueta.

Il-Pulizija tkellmu mar-raġel involut.

Share With: