Ir-ride pooling inaqqas it-traffiku b’miljun kilometru fis-sena

Il-popolazzjoni Maltija u l-komunità barranija fostna qed jilqgħu dejjem aktar il-kunċetti ġodda ta’ mobilità fit-trasport, b’aktar minn 36,000 persuna jirreġistraw mal-kumpanija ta’ ride pooling Cool fl-2020, li kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operat tal-kumpanija f’Malta.

Għall-pajjiż li hu tradizzjonalment dipendenti fuq il-vettura personali, dan ir-riżultat irrifletta bidu tajjeb ħafna għal dan il-kunċett innovattiv, speċjalment f’sena li fiha żdied ħafna l-użu tat-teleworking u tnaqqset l-attività kummerċjali, fatturi li naqqsu l-bżonn li wieħed jivvjaġġa b’mod ġenerali.

Dejta miġbura matul l-2020 mill-kumpanija turi l-impatt ambjentali pożittiv ta’ meta persuni differenti jivvjaġġaw flimkien bil-kumdità ta’ vjaġġ ma’ Cool. Dan inaqqas it-tniġġis ambjentali, il-konġestjoni fit-toroq u l-bżonn ta’ aktar parkeġġ.

F’sena, ir-ride-pooling wassal għal tnaqqis ta’ miljun kilometru ta’ sewqan bil-vetturi – distanza li kieku kienet tkun kopruta minn vetturi li fihom l-unika persuna kienet tkun is-sewwieq. Grazzi għal dawn il-vjaġġi flimkien, mal-250,000 kg ta’ dijossidu tal-karbonju tnaqqsu milli jinħelsu fl-ambjent u l-arja tagħna.

Laura Jasenaite, Kap Eżekuttiv ta’ Cool, esprimiet is-sodisfazzjon għal dawn ir-riżultati: “L-oġġettiv tiegħi fit-tmexxija ta’ Cool meta bdejna l-operazzjonijiet tagħna f’Malta kienu li nwasslu għal bidliet fl-ambjent tal-mobilità hawn Malta. Konna konvinti mill-benefiċċji soċjali u ambjentali li dan għad iwassal, iżda meta tqis ir-restrizzjonijiet tal-pandemija, konan ferm kuntenti bir-riżultati u t-tkabbir tagħna”.

Żiedet tgħid li “aktar persuni qed isiru konxji mill-impatt tal-bidla fil-klima u l-bżonn li nkunu aktar flessibbli fil-mod kif nivvjaġġaw ta’ kuljum. F’dan il-kuntest, qed jaraw fil-Cool ride-pooling soluzzjoni alternattiva biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom bil-ħin, b’mod effiċjenti u b’mod li jħares l-ambjent ta’ madwarhom”.

Share With: