Ir-Renju Unit jiddefendi l-vaċċin ta’ AstraZeneca

Il-Ministru Brittaniku responsabbli mit-tilqim, Nadhim Zahawi ħeġġeġ lin-nies biex jibqgħu kunfidenti dwar ir-rata ta’ effettività tal-vaċċin ta’ AstraZeneca/Oxford.

Dan wara li l-Afrika t’Isfel ħabbret li kienet se twaqqaf b’mod temporanju l-użu tal-vaċċin fil-programm ta’ tilqim tagħha wara li l-awtoritajiet tas-saħħa lokali saħqu li l-vaċċin joffri rata minima ta’ protezzjoni kontra l-varjant tal-Covid-19 li nstab proprju fl-Afrika t’Isfel.

“Filwaqt li huwa neċessarju l-preparament għall-iżvilupp ta’ vaċċin aġġornat, għandna nkunu fiduċjużi fil-vaċċin attwali u l-protezzjoni li se jkun qed jipprovdilna kontra din il-marda terribbli,” huwa kiteb fuq il-ġurnal the Telegraph.

“Jeħtieġ li nkunu konxji li anke fkaż li vaċċin ikollu rata inqas ta’ effettività fil-prevenzjoni ta’ infezzjoni, xorta jaf ukollu rata tajba ta’ effiċjenza kontra każi severi tal-virus li jwasslu biex pazjent jiġi rikoverat l-isptar, jew saħansitra jsarraf f’mewt,” huwa żied jgħid.

Il-Professur Sarah Gilbert, il-kap riċerkatur tal-vaċċin, qalet li verżjoni aġġornata tal-vaċċin iddiżinjata biex tiġġieled l-varjant tal-Afrika t’Isfel aktarx li tkun lesta għall-użu sal-ħarifa.

Share With: