“Ir-rata ta’ kanċer fl-Ewropa tista’ titnaqqas b’40% b’ħidma konġunta Ewropea”

 “Fuq livell Ewropew nistgħu nnaqqsu r-rata ta’ kanċer b’40%.  Fil-Parlament Ewropew qegħdin naħdmu fuq pjan komuni bejn l-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-Kanċer.  Irridu nnaqqsu l-piżijiet fuq il-pazjenti, il-familji tagħhom u s-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Hemm bżonn li ningħaqdu flimkien biex ikun hemm iktar sapport u kooperazzjoni fuq livell Ewropew fil-ġlieda tagħna kontra l-Kanċer.” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer hu u jindirizza Konferenza organizzata min-‘National Cancer Platform’ b’tema relatata mal-pazjent tal-Kanċer f’dawn iż-żminijiet straordinarji. Il-Konferenza qed tikkommemora il-Jum Dinji għall-Kanċer.

Engerer tkellem fuq l-isfidi kbar li qeghdin jgħaddu minnhom l-pazjenti tal-Kanċer u l-familji tagħhom waqt il-Pandemija tal-COVID-19. Tkellem fuq trattamenti tal-Kanċer li ġew miċħuda jew posposta, fuq il-vulnerabilità’ ta’ pazjenti li qeghdin jieħdu trattamenti u mediċini li jaffetwaw is-sistema immunitarja u l-fatt li dawn il-pazjenti ma setgħux jistrieħu u jsibu l-wens fi qrabathom u ħbieb kif kienu jagħmlu qabel.

“Minkejja l-isfidi, hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu fil-qasam tal-Kanċer biex insalvaw iktar ħajjiet. L-istudji xjentifiċi juru li 40% mill-każijiet tal-Kanċer fl-Ewropa jistgħu jiġu evitati, għaldaqstant, hemm bżonn li nibqgħu nsaħħu dejjem iżjed is-sistemi ta’ prevenzjoni biex ikollna iktar ‘early detection’,” qal Engerer.  

Engerer qal wkoll li nistgħu nisiltu aspetti pożittivi mill-Pandemija tal-COVID-19 fejn rajna l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jingħaqdu flimkien biex jiżguraw provvista ta’ vaċċini għaċ-ċittadini kollha Ewropej b’mod ugwali. Engerer qal li fil-qasam tal-Kanċer nistgħu naħdmu bl-istess mod biex neliminaw id-diskrepanzi li jeżistu bejn il-pajjiżi llum il-ġurnata per eżempju fir-rigward tal-ammont ta’ investiment allokat mill-pajjiżi għall-Kanċer.

Engerer ikkonkluda billi qal li bħala Membru ġdid fil-Parlament Ewropew hu qiegħed jaħdem fil-kumitati tal-Ambjent u s-Saħħa Pubblika u f’Kumitat Speċjali ‘Beating Cancer’ u li f’dan il-kuntest beda sensiela ta’ laqgħat mal-professjonisti Maltin f’dan il-qasam, persuni mill-qasam mediku kif ukoll diversi NGOs. Huwa ħeġġeġ lil kull min hu involut f’dan is-settur biex ma jiddejjaq xejn jagħmel kuntatt miegħu biex jaqsam xi ħsibijiet għaliex dan ikun ta’ għajnuna sabiex hu jkun jista’ jirrappreżenta bl-aħjar mod possibbli l-bżonnijiet ta’pajjiżna f’dan il-qasam.

Share With: