Investiment ta’ €7 miljun għal fabbrika ġdida ta’ Gutenberg Press

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar l-espansjoni tal-fabbrika l-ġdida ta’ Gutenberg. Din il-kumpanija, li issa għaddiet għat-tieni ġenerazzjoni tagħha, sal-bidu tal-2020 kienet tbigħ mal-€10 miljun fis-sena ta’ prodotti u kienet tħaddem mal-100 impjegat. Brexit, il-pandemija u ċirkostanzi oħra kellhom effett fuq in-negozju u l-kumpanija qalet li kieku ma kinitx għall-għajnuna tal-gvern wisq probabli b’dieqa kienu jiġu sfurzati jwaqqfu xi impjegati. Minflokk qed jitkellmu fuq nuqqas ta’ impjegati, il-kumpanija kkonfermat li se tagħmel estensjoni fil-plant ta’ Bulebel. Il-kumpanija qalet li l-investiment, anke bl-għajnuna tal-gvern, se jkun stmat li jkun ta’ €7 miljun.

Il-kumpanija qalet li qed iħarsu wkoll għall-ekonomija ċirkolari li fiha jipproduċu kemm prodotti li jistgħu jingħataw ħajja ġdida wara li jiġu kkonsmati, kemm li jagħtu ħajja ġdida lill-prodotti li diġà ġew kkunsmati. Sostnew li dan qed isir għax qed jaraw li hemm it-tendenza min-naħa tal-konsumatur li qed ifittex prodotti aktar sostenibbli u anke minħabba l-pressjoni mill-istati biex jitnaqqas l-użu tal-plastik.

Il-Ministru Schembri qal li dan kien żmien ta’ sfida għal kulħadd fosthom l-industrija tal-printing pero ż-żjara li għamel ġewwa din il-kumpanija hija biex ikomplu jikkonfermaw kemm l-ekonomija Maltija hija robusta u li tiflaħ għad-daqqiet. Qal li minkejja d-daqqa tal-pandemija u bl-għajnuna li taw bħala gvern, dik l-għajnuna serviet biex anke huma setgħu jżommu l-ħaddiema jaħdmu magħhom pero wkoll għaliex ħadu inizjattivi li jiddiversifikaw il-prodott tagħhom. Sostna li din tkompli toħroġ is-saħħa tar-reżiljenza tal-industrija tal-manifattura.

Qal: “Bi pjaċir nilqgħu l-aħbar ta’ investiment ġdid ta’ din il-kumpanija fejn se nkunu qed naraw li grazzi wkoll għall-għajnuna li qed tingħata minn INDIS MAlta, illum qed inħabbru investiment ta’ €7 miljun – fabbrika ġdida ġewwa Bulebel fejn hemmhekk se naraw, apparti l-espansjoni li mhux biss issa l-operat ġewwa din il-fabbrika kiber tant li kellhom bżonn post ieħor, iżda li bl-espansjoni se jkompli jiddiversifikaw il-prodott tagħhom.”

Il-Ministru Schembri wiegħed li bħala Gvern u bħala INDIS se jkomplu jagħtu s-sostenn tagħhom biex operaturi bħalhom u oħrajn ikomplu jespandu ġewwa pajjiżna u jkomplu joħolqu l-ġid li finalment ilaħħaq lil kulħadd. 

Share With: