Investiment ta’ €24,000 f’apparat speċjalizzat li jżomm il-ħinijiet tat-tlielaq tal-karting

Waqt avveniment fit-trakka l-ġdida tal-Karting f’Ħal Far li kien organizzat mill-Malta Motorsport  Federation, Island Karting Club u Karting Club Malta, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport,  Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ppreżenta apparat ġdid li hu speċjalizzat li jżomm  il-ħinijiet tat-tlielaq tal-karting b’investiment ta’ €24,000 permezz ta’ SportMalta. 

Parti minn dan l-apparat hija installata fil-kart stess u l-partijiet l-oħrajn huma installati matul it trakka. Dawn il-partijiet jikkomunikaw ma’ xulxin u jipprovdu lis-sewwieqa, it-timijiet u l organizzaturi l-ħinijiet preċiżi li qed isiru ma’ kull dawra tat-trakka. Dawn ir-riżultati wkoll jiġu  printjati awtomatikament mis-sistema stess wara kull tiġrija. 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lill-federazzjoni għax-xogħol li qed  tagħmel, saħaq li dan l-investiment juri l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fl-assoċjazzjonijiet  sportivi. Huwa kompla jgħid li hemm numru ta’ inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikomplu jikbru. 

“Meta għandek klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom, li huma stabbli, dawn iħallu  ġid fis-soċjetà Maltija, ġid fit-tfal tagħna. Din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-gvern se jkun  qed jieħu biex naraw lill-klabbs tagħna jilħqu l-potenzjal u nagħtu l-għodda lil dawk kollha involuti  sabiex ikomplu jagħmlu l-ġid fis-soċjetà Maltija,” tenna s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima. 

Il-President tal-Malta Motorsport Federation Duncan Micallef qal li dan huwa investiment importanti,  u li kieku ma kienx għall-intervent ta’ SportMalta, ma kienx ikun possibbli. “Dan huwa investiment  fit-tfal tagħna, li huma l-futur tal-motorsport f’pajjiżna. Grazzi għal din it-trakka, in-numru tat-tfal  jipprattikaw il-karting kiber b’mod inkoraġġanti ħafna u ninsabu ċerti li fil-futur qarib ser jikber l 

interess fl-isport, jikber l-interess u jikber l-investiment. Ninsabu ċerti li se nibqgħu nsibu s-sostenn  ta’ SportMalta,” tenna s-Sur Micallef. 

Fl-avveniment organizzat matul il-ġurnata tas-Sibt, 13 ta’ Frar, is-sewwieqa kollha tal-karting  kellhom iċ-ċans li jiksbu l-liċenzja uffiċjali tat-tlielaq skond l-etajiet u l-klassi. Ftit mis-sewwieqa  kellhom ukoll jagħmlu test tat-teorija. Kif jgħaddu mill-assessjar, kull sewwieq ried jagħmel test  medikali fuq is-sit stess.

Share With: