Inrawmu f’uliedna l-imħabba għall-ilsien Malti

“Għandna nkunu kburin b’ilsien pajjiżna li huwa wieħed uniku, kif għandna nkunu kburin bit tradizzjonijiet u l-kultura Maltija”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta nediet  kelma ġdida fil-vokabularju Malti, l-‘imħobża’. 

Il-Ministru Caruana, flimkien mad-Diretturi tal-Kumpanija Maypole, nedew din il-kelma f’okkażjoni  li għaqqdet it-tradizzjoni, il-kultura Maltija – il-ħobża – mal-ilsien Malti. Il-kompożizzjoni tal-kelma  hija korretta għall-ilsien Malti u dwar dan saret konsultazzjoni mal-Professur Michael Spagnol, lettur  tal-Lingwistika Maltija fl-Università ta’ Malta.  

Il-kelma hija magħmula mill-kelma ‘imħabba’ u ‘ħobża’ u se tingħata lil ħobża forma ta’ qalb li se  tkun marbuta ma’ Jum San Valentinu. 

Il-Ministru Caruana qalet li minkejja ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, aħna kburin li għandna l-ilsien  tagħna, li huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kompliet tgħid li lsienna huwa rikk,  u għandna nibżgħu għalih, u nrawmu l-imħabba lejh fit-tfal tagħna. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li t-tnedija f’Għawdex għandha wkoll sinifikat, għaliex minn  Għawdex ħarġu ismijiet li għamlu unur lil ilsienna, fosthom Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani, Mary  Meilak, Ninu Cremona u oħrajn, apparti li f’Għawdex għadhom jintużaw kliem puri Maltin u wkoll  insibu djaletti li għadhom jintużaw ta’ kuljum. 

Hija qalet ukoll li m’għandniex niddejqu nesportaw it-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna, mhux biss  għax dawn huma l-bażi intrinsika tal-identità tagħna, imma magħġunin flimkien ma’ lsienna  jagħmluna dak li aħna bħala poplu Malti. Fakkret li l-arti kulinarja u l-kultura tal-ftira Maltija llum  il-ġurnata hija parti mil-lista ta’ Wirt Intanġibbli tal-UNESCO. 

Il-Ministru Justyne Caruana semmiet kif dil-ġimgħa kellha laqgħa mal-Aġenzija Nazzjonali tal Litteriżmu li matulha kienet enfasizzata l-importanza tal-bżonn tat-tisħiħ tal-ilsien Malti, filwaqt li  nifhmu l-importanza ta’ ilsna oħrajn. Għalhekk għamlet aċċenn għall-importanza ta’ politika  lingwistika għall-qasam edukattiv, fosthom il-politika li tfasslet għas-snin bikrin u għas-snin tal primarja. Politika maħsuba biex trawwem attitudni pożittiva lejn il-Malti, l-Ingliż u lingwi oħra u  biex uliedna jiżviluppaw kompetenzi fil-Malti u fl-Ingliż f’kuntesti differenti.

Id-Direttur tal-Kumpanija Sebastian Debono tkellem dwar il-ħsieb wara din l-okkażjoni u qal li l ħobża Maltija minn dejjem kellha rabtiet mal-kultura Maltija, u nsibu ħobż li huwa marbut ma’ festi  u dati oħra fil-kalendarju kulturali Malti.

Share With: