“Inħossni għajjien u stressjat iżda nżomm f’moħħi li għandi 21 student għal min irrid naħseb” – Edukatur fi skola primarja

“Ix-xogħol ta’ għalliem huwa wieħed mill-aktar xogħlijiet sodisfaċenti li jista’ jkollok. Jirrikjedi ħafna dedikazzjoni, ħin u paċenzja. Wara l-ħin tal-iskola ma jiqafx ix-xogħol. Nikkoreġu, nippjanaw lezzjonijiet ġodda jew nadattaw ir-riżorsi għall-bżonnijiet ta’ kull student u studenta. Però, minkejja x-xogħol kollu, meta tara lill-istudenti jiġu l-iskola ħerqana huwa diġà biżżejjed sabiex iżommok motivat ħalli tkompli taħdem u tistinka għall-ġid tagħhom.” Hekk stqarr magħna Matthew Cassar, li huwa edukatur fi skola Primarja.

Ma’ dan is-sit Cassar spjega kif din hija “s-sitt sena tiegħi bħala għalliem tal-livell Primarju, u minkejja d-diffikultajiet kollha li affaċċjajt jew qed niltaqa’ magħhom bħalissa, nammetti li ma nimmaġinani xejn aktar jekk mhux f’dan l-impjieg.”

Il-pandemija tal-COVID-19 ġabeta ħafna sfidi għat-tfal, għall-ġenituri u anke għall-edukaturi. Fil-fatt, Cassar spjega kif “bħalissa, minħabba l-COVID-19, qed ngħallem ġewwa klassi b’limitazzjonijiet ġodda u miżuri differenti milli kellna qabel. Is-sena skolastika li għaddiet kelli naqta’ ħesrem il-kuntatt dirett u fiżiku minn mal-istudenti li kont ili ngħallem sitt xhur, u din kienet weġgħa kbira. Ma rajthomx ilestu s-sena Primarja tagħhom jew il-ferħ fuq wiċċhom wara l-eżamijiet tal-Benchmark jgħiduli kemm marru tajjeb għax ħadmu u stinkaw ħafna matul is-sena. Rajthom online però l-kuntatt u r-relazzjoni ta’ bejn għalliem u student mhijiex l-istess.”

L-edukatur stqarr magħna li din is-sena “qed ingawdi lit-tfal aktar. Qed nidħak magħhom u nkompli magħhom, però qed nieħu ħafna aktar xogħol sabiex inkun ċert li t-tfal qed jieħdu gost matul il-lezzjonijiet filwaqt li nżommhom siguri u protetti kemm jista’ jkun minħabba l-COVID-19.”

Cassar spjega l-effett tal-pandemija li ħalliet fuqu personalment u fuq il-professjoni tiegħu bħala edukatur. “Nammetti li nħossni għajjien u stressjat minħabba żieda fix-xogħol kif ukoll żdiedet ukoll ġewwa fija inċertezza u biża’ li jaf ikollok każ tal-virus ġewwa l-klassi.” Minkejja dawn l-inċertezzi, Cassar qal li hu “nibqa’ għaddej u nibqa’ naħdem. Dejjem inżomm f’moħħi li għandi wieħed u għoxrin student għal min irrid naħseb. U minkejja kollox, irrid noffrilhom sena sabiħa, sena mimlija daqs bajda u li ma jinsewha qatt għax tkun mimlija b’tifkiriet sbieħ.”

L-edukatur ikkonkluda billi qal “grazzi kbira wkoll lil dawk il-ġenituri li japprezzaw ix-xogħol li nagħmlu u nitlob liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin japprezzaw ‘l-għalliema ta’ uliedhom li qed jidħlu kuljum ġewwa l-ambjent tal-klassi jippreparaw u jadattaw il-materjal skont iċ-ċirkostanti preżenti. Grazzi kbira ħafna tmur għall-għalliema, l-LSE’s u l-SMT li forsi bħalissa huma mimlija tensjoni, biża’ u inċertezza, però xorta qed iżommu l-iskejjel mexjin. Grazzi kbira lilkom ukoll! M’intomx waħedkom. Taqtgħux qalbkom. Aħna kollha flimkien naħdmu id f’id”.

Share With: