Inawgurati erba’ proġetti fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar – Tnejn minn dawn il-proġetti huma favur l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja

Il-Ġimgħa filgħaxija ġew inawgurati erba’ proġetti fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar. Fost dawn il-proġetti kien hemm investiment li għamel il-binja kollha aċċessibbli.

B’investiment ta’ €20,000 mill-Voluntary Organisations Projects Scheme kien installat lift li jibda mill-kantina tal-binja u joħloq aċċessibbiltà għas-sulari kollha ta’ fuq. Dan ifisser li issa l-binja kollha saret aċċessibbli.

Proġett ieħor hu marbut ma’ saħħa u iktar sigurtà fil-każin, liema proġett sar b’ko finanzjament mill-Aġenzija Żgħażagħ. Dan il-progett jikkonsisti f’apparat u tabelli fil-każin, korsijiet ta’ first aid u fire warden li jinkludu teorija u prattika b’investiment ta’ madwar €3,000.

Sabiex jiġu inawgurati il-proġetti li saru bl-għajnuna tal-Aġenzija Żgħażagħu u tal-għaqdiet volontarji kien hemm preżenti l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Volontarjat Clifton Grima.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli kellha kliem ta’ tifħir għall-mod konsistenti li dan il-każin dejjem ħadem matul is-snin biex dejjem iġib l-interessi tal-komunità Naxxariża fuq quddiem. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħħha li permezz tal-installazzjoni tal-lift dan il-każin issa sar iżjed aċċessibli.

“Dan hu eżempju ċar ta’ fejn irridu naslu. Li l-fibra soċjali żżewweġ fiha l-arti, il-kultura imma wkoll l-inklużjoni. L-installazzjoni tal-lift se tagħmilha possibbli li persuni b’diżabbilta’ imma wkoll anzjani jibqħu jkunu jistgħu jattendu l-każin meta dan jerġa’ jiftaħ lura għall-pubbliku,” spjegat il-Ministru Farrugia Portelli.

Waqt din iċ-ċeremonja , is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Volontarjat Clifton Grima faħħar lill-Każin tal-Banda Peace għall-ħidma importanti li jwettqu biex itejbu l-ħajja tan-nies.

“Inizjattivi bħal dawn ikomplu jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jkompli jsostni lis-settur tal-volontarjat u jippromwovi proġetti ġodda għall-komunità. Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ta’ kull sena joħroġ diversi skemi li jgħinu fit-twettiq ta’ proġetti li dawn l-għaqdiet ikollom fi ħsiebhom iżda li minghajr din l-għajnuna ma jkunux jistgħu iwettqu”, saħaq is-Segretarju Parlamentari Grima.

Iż-żewġ proġetti l-oħra jinkludu l-installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi u rinovazzjoni tas-sala banda. Il-panelli ġew ko-finanzjati mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera faħħar l-inizjattiva li ħadu l-Peace Band Club sabiex japplikaw għall-fondi maħruġa mill-Kunsill Malti għall-Arti sabiex ikunu jistgħu jirrestawraw is-sala tal-każin tal-banda. Huwa sostna li l-Gvern kommess li jibqa’ jgħin lill-każini tal-baned u assoċjazzjonijiet relatati mal-festi billi fost affarijiet oħra, joħroġ skemi ta’ għajnuna finanzjarja.

Il-President tal-Każin tas-Soċjetà Mużikali Peace s-Sur Edward Azzopardi flimkien mas-Segretarju Ġenerali Matthew Pullicino kellhom kliem ta’ tifħir għall-għajnuna li ngħataw mill-Gvern biex dawn il-proġetti setgħu saru realtà.

Share With: