Inawgurat outdoor basketball court b’investiment ta’ €105,000

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, flimkien mas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke Dean Hili u l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, inawgura pitch tal-basketball fi Ġnien 4 ta’ Lulju b’investiment totali ta’ madwar €105,000 minn SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke.

Apparti r-rinovar tal-ġnien mad-dawra, l-investiment jinkludi rinovar tal-pitch tal-basketball fejn ġiet miżbugħa l-art, inbidel il-fencing, ġie installat dawl ġdid u ġie installat ukoll apparat tal-basketball.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li b’dan l-investiment bosta familji se jgawdu minn dan l-ispazju miftuħ li kien mitluq għal dawn l-aħħar snin. Filwaqt li rringrazzja lil SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke tax-xogħol siewi, saħaq li SportMalta għaddejja bl-assessjar ta’ siti differenti madwar Malta u Għawdex biex jiġu trasformati għal faċilitajiet sportivi li se jservu ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha.

“Dawn il-faċilitajiet se jiġu mibnija mill-ġdid jew rinovati bil-potenzjal tagħhom li jgħaqqdu l-komunitajiet aktar flimkien fejn hemm lok ta’ aktar interazzjoni soċjali,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ SportMalta huwa li nħeġġu lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jipprattikaw sport u attività fiżika barra. Kien għalhekk li SportMalta investiet €600,000 sabiex fi spazji miftuħa, flimkien mal-kunsilli lokali, jiġu identifikati playing fields u spazji miftuħa għall-użu sportiv.

Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili saħaq li matul l-aħħar żewġ leġiżlaturi nħass il-bżonn li dan l-ispazju pubbliku jingħata ħajja mill-ġdid u, għalkemm it-tiswijiet kienu jsiru regolarment, kien jeħtieġ injezzjoni finanzjarja sostanzjali sabiex il-faċilitajiet jitjiebu u jilħqu l-aspirazzjonijiet li kellna. Huwa appella sabiex dan l-ispazju miftuħ jitgawda, iż-żgħażagħ tagħna jipprattikaw fih l-isport bla ħlas u sabiex dawn il-faċilitajiet ġodda jkunu rispettati.

Share With: