In-numru ta’ spetturi ta’ siti ta’ kostruzzjoni se jirdoppja sal-aħħar tas-sena

In-numru ta’ spetturi ta’ siti ta’ kostruzzjoni se jkunu qed jirdoppjaw sa tmiem din is-sena. Hekk qal il-Ministru Aaron Farrugia.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet huwa qal li n-numru ta’ spetturi fl-aħħar ġimgħat kien diġà tela’ għall-għaxra attwali. Madankollu żied jgħid li dan in-numru se jkun qed jirdoppja fi żmien qasir.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet intiża biex jiġu mħabbra numru ta’ bidliet li se jkunu qed isiru fl-industrija tal-kostruzzjoni bħala parti minn riforma li kienet imħabbra aktar kmieni din is-sena. Ir-riforma se tkun ibbażata fuq rapport li sar minn grupp ta’ esperti wara li kienet iġġarrfet binja f’Santa Venera, liema inċident kien sewa ħajjet Miriam Pace.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern se jkun qed jaħtar tim ta’ esperti tekniċi li se jkun qed iżid il-livell ta’ skrutinju fuq il-method statement ta’ siti ta’ kostruzzjoni u skavar.

Apparti dan se jkun imniedi numru free phone li jista’ jintuża mir-residenti biex iressqu lmenti dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Share With: