Imut wieħed mill-aktar kapijiet mafjużi influwenti fl-Italja

Raffaele Cutolo, il-kap Mafjuż assoċjat ma’ wieħed mill-aktar perjodi mdemmijin f’Napli bejn is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, miet fil-ħabs fl-età ta’ 79 sena. Dan kien rapportat mill-midja Taljana aktar kmieni llum.

Cutolo kien deskritt li kien ilu għal dawn l-aħħar xhur marid, madankollu miet ilbieraħ kaġun ta’ settiċemija.

Cutolo qatta’ aktar minn 57 sena l-ħabs, madankollu tant kien poter li l-istat anke talab l-għajnuna mingħandu b’rabta mal-każ tal-ħtif ta’ politiku.

Huwa twieled fl-1941 fil-belt ta’ Ottaviano, li tinsab ’il barra minn Napli. Fl-1963, fl-eta’ 22 sena, huwa ntbagħat għomru l-ħabs wara li nstab ħati li qatel raġel li kien offenda lil oħtu.

Fil-ħabs, il-kariżma tiegħu u t-talent tiegħu bħala poeta wasslu biex jiġi magħruf bħala “l-Professur”, u f’qasir żmien numru ta’ priġunieri oħrajn bdew isegwuh, bl-influwenza tiegħu tespandi ’l barra mill-ħitan tal-ħabs ladarba dawn jinħelsu.

Miċ-ċella tiegħu ħoloq il-grupp mafjuż “La Nuova Camorra Organizzata”, li kellha struttura ta’ tmexxija stretta u regoli iebsin biex wieħed jibda jifforma parti minnha. Il-grupp mafjuż kien magħruf ukoll għall-vjolenza li kien juża.

Huwa kien jisfida lil familji oħrajn tal-kriminalià organizzata u l-battalji għall-poter għadu sal-lum il-ġurnata jimmarka wieħed mill-aktar perjodi mdemmijin fl-istorja tal-kriminalità organizzata tal-Italja.

Il-poter ta’ Cutola tant kompla jikber li anke beda jiġbor taxxi minn familji oħrajn mafjużi.

Maż-żmien Cutolo bena wkoll kuntatti mas-servizzi sigrieti u d-dinja politika Taljana, li kienu mġegħlin jitolbuh jgħinhom biex jinħeles il-politiku Ciro Cirillo, li kien inħataf mill-Brigade Rosse, grupp terroristiku tax-xellug estrem, fl-1981.

Huwa qatt ma wera ndiema għar-reati li wettaq, u qatt ma kixef is-sigrieti tiegħu lill-istat Taljan.

Share With: