Imniedi dokument ta’ diskussjoni dwar spazji miftuħa ta’ rikreazzjoni

Il-gvern qed ifittex li jagħmel l-aħjar użu mill-pjanijiet lokali u joħloq aktar żoni ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa aħjar għal kulħadd. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fejn spjega li ġie mniedi dokument ta’ diskussjoni fuq l-ikkampjar, karavans, u picnics biex ikun jista’ jservi ta’ gwida fid-deċiżjonijiet u jinforma lill-gvern dwar il-ħsibijiet tal-pubbliku fuq l-użu tal-art għal skopijiet ta’ rikreazzjoni.

“Żoni ta’ rikreazzjoni huma dawk li jagħtu l-ħajja lill-komunitajiet – jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-gvern beda l-proċess ta’ rivoluzzjonar fl-ippjanar ta’ pajjiżna: joħloq komunitajiet aktar ħodor li jrawmu sens ta’ kburija u koeżjoni. Aktar minn hekk, jeħtieġ li nirregolaw ċertu attivitajiet. Irridu nkunu aktar intelliġenti fl-ippjanar tagħna skont il-pjanijiet lokali, u fuq kollox skont dak li l-poplu qed jistenna minna. Smajna l-għajta favur aktar spazji miftuħa. Issa nixtiequ nisimgħu aktar mingħandkom”, qal il-ministru.

Il-Ministru Farrugia spjega wkoll kif permezz ta’ dan id-dokument ta’ diskussjoni, il-gvern se jkun qed jitlob ir-rispons tal-pubbliku fuq il-qafas eżistenti relatat mal-ikkampjar, karavans, u picnics – kif ukoll l-opinjoni tal-pubbliku fuq kif dawn iż-żoni jistgħu jiġu ġestiti aħjar. Il-pubbliku huwa mitlub li jifli d-dokument (mehmuż) u jibgħat l-opinjonijiet tiegħu fuq outdoors@pa.org.mt sat-30 ta’ Marzu 2021.

“Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li joħroġ b’ideat fuq x’faċilitajiet jistgħu jiżdiedu f’dawn iż-żoni li huma diġà msemmija fil-pjanijiet lokali. Qegħdin nistiednu wkoll lis-sidien li għandhom artijiet f’dawn iż-żoni biex jgħidulna jekk humiex interessati li jipproponu l-art tagħhom għal skop ta’ rikreazzjoni. Fuq kollox, ninkoraġġixxu wkoll lill-pubbliku biex jaqsam magħna ideat innovattivi, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet, suġġerimenti jew proposti li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-fini ta’ din il-politika. Flimkien, nistgħu nagħmlu rivoluzzjoni mill-kunċett ta’ ppjanar fil-gżejjer tagħna”, qal il-ministru.

Share With: