Imnedija l-viżjoni tal-MITA sal-2023

“B’mentalità ta’ leaders fl-ekonomija diġitali qegħdin nimmiraw sabiex anke fuq livell internazzjonali nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala Malta li tgawdi reputazzjoni ta’ gżira diġitali, mibnija fuq l-innovazzjoni, il-governanza tajba u l-effettività”, qal il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt it-tnedija tal-viżjoni tal-MITA sal-2023,  mibnija fuq Malta pijuniera fl-innovazzjoni diġitali. Tkellem ukoll dwar il-missjoni ta’ Malta li jkollha infrastruttura diġitali mill-aqwa u qal, “Nemmnu li għandna l-aqwa riżorsa umana sabiex mhux biss inrawmu l-aħjar ħiliet fit-teknoloġija diġitali, iżda nkunu f’pożizzjoni li s-settur tal-ekonomija diġitali jasal biex ikun pilastru fundamentali fl-ekonomija Maltija”.

Il-viżjoni mħabbra hija bbażata fuq seba’ pilastri li  jifformulaw l-oqsma strateġiċi tal-MITA, bil-għan li jgħaddi l-messaġġ li l-Gvern Malti lest għall-isfida li jmiss, dik li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu biex ikun jista’ jattira iżjed investiment barrani lejn il-pajjiż. Il-ministru tenna li l-ekonomija diġitali ġġib magħha aktar xogħol kemm b’mod dirett kif ukoll f’servizzi oħra indiretti li minnhom igawdu firxa aktar wiesgħa ta’ nies. Qal li l-enfasi fuq l-ekonomija diġitali qed iġġib magħha l-ħolqien ta’ karrieri fis-settur tal-ICT.

Il-Ministru Schembri spjega li għat-tliet snin li ġejjin il-gvern qed jerġa’ jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni ta’ tmexxija u joħloq pjattaforma għax-xejriet li jkunu qed jiżviluppaw madwarna. F’dan ir-rigward, id-dokument jelenka l-importanza li Malta tibqa’ fuq quddiem biex tindirizza it-teknoloġija emerġenti. Qal li parti mill-viżjoni tal-MITA hija li tkompli tinvesti fit-talenti tar-riżorsa umana tagħha li fil-preżent twassal għal madwar 340 ħaddiem. Dan filwaqt li l-approċċ użat mill-MITA jibqa’ ffukat fuq li l-ħtiġijiet tal-klijent jiġu indirizzati bl-iżjed mod effiċjenti.

Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar l-importanza li l-MITA ser tibqa’ tagħti lis-cybersecurity għall-protezzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-pajjiż biex dawn ma jispiċċawx vittmi ta’ attakki malizjużi. Qal li s-cybersecurity qed titqies bħala l-pedament ewlieni għall-kompetittività ta’ Malta fid-dinja diġitali billi tpoġġiha bħala ġurisdizzjoni onlajn sigura.

Il-Ministru Schembri semma l-kontribut qawwi tal-MITA waqt il-pandemija hekk kif kompliet tissalvagwardja l-infrastruttura kollha tal-ICT tal-gvern. Innota li l-MITA għenet partikolarment lis-settur tas-saħħa biex setgħu jsiru s-swab centres u jitħaddmu s-sistemi tat-telemedicine u tal-contact tracing fost l-oħrajn. Żied jgħid li l-aġenzija kienet kritika biex tipprovdi l-għodda kollha lil aktar minn 30,000 impjegat fis-settur pubbliku. Grazzi għas-sistemi avvanzati tal-MITA, il-gvern mingħajr telf ta’ żmien seta’ jagħmel qabża ’l quddiem fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli filwaqt li jassigura li l-klijent jibqa’ jiġi moqdi.

Il-Ministru Schembri rringrazzja lit-tim sħiħ tal-MITA mmexxi mis-CEO Tony Sultana għall-ħidma tiegħu. Is-CEO Tony Sultana qal li l-MITA se tkompli tagħti direzzjoni fil-qasam tat-teknoloġija u ser tkun iżjed innovattiva fl-użu u fl-applikazzjoni tat-teknoloġija. Innota li l-MITA se tibqa’ tara li l-gvern ikollu l-aqwa arkitettura diġitali possibbli li tkun tista’ taqdi l- ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.

Share With: