Imħassra dikjarazzjoni minħabba li ma kellux avukat waqt l-interrogazzjoni 11-il sena ilu

Raġel li kien arrestat fl-2010 mixli b’involviment fi traffikar ta’ droga, kellu dikjarazzjoni li kienu ħadulu l-Pulizija rtirata wara li ma kellux avukat preżenti waqt li kien qiegħed jiġi interrogat.

Fiż-żmien tal-arrest ta’ Morgan Onuorah, il-liġi Maltija ma kinitx tikkorrispondi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea u għalhekk l-akkużat ma kellux għajnuna legali waqt l-interrogazzjoni. Dan hekk kif il-liġi tad-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni daħlet aktar tard fl-2016. Fil-fatt il-Prim Imħallef qal li kien id-dmir tal-Gvern ta’ dak iż-żmien li jaġġorna l-liġijiet tiegħu u jkun konformi ma’ dawk Ewropej.

Li tikkonsulta avukat qabel l-interrogazzjoni, li jkollok assistenza legali fi proċeduri sussegwenti u li tippermetti lill-partijiet iressqu evidenza, ma kienx biżżejjed biex jirrimedja n-nuqqas li jkun hemm avukat li jassisti lis-suspettat waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija.

Filwaqt li ordnat li kopja tas-sentenza tagħha tiddaħħal fir-rekords kriminali, il-Qorti ddikjarat li d-dikjarazzjoni tal-akkużat ma kellhiex tiġi ammessa bħala evidenza.

 L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia dehru għal Onuorah.

Share With: