Il-vulnerabbli se jieħdu t-tilqima qabel iż-żmien maħsub; Il-Ħadd tasal l-ewwel kunsinn tal-Astra Zeneca

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-persuni meqjusin vulnerabbli se jibdew jieħdu t-tilqima għal kontra l-Covid19 qabel iż-żmien li kien maħsub.

Huwa spjega li l-pjan kien li dawn jeħduha lejn nofs Marzu imma peress li l-Ħadd li ġej se tasal l-ewwel kunsinn tat-tilqima tal-Astra Zeneca ġie deċiż li mill-ġimgħa d-dieħla stess jibdew jintbagħtu l-ittri lill-persuni vulnerabbli ħalli jieħdu t-tilqima.

Fearne spjega kif wara li kienu qed jingħataw 1,200 doża kuljum, sal-Ħamis in-numru tela għal 2,000 tilqima kuljum biex se jkunu telgħu għal 33,000 dawk li se jkunu ħadu doża jew anke t-tieni f’ċertu każijiet.

Il-Ministru għas-Saħħa żied li 90% tal-frontliners ħadu d-doża, b’ħafna minnhom anke t-tieni waħda, u wara li l-Erbgħa bdew jingħataw it-tilqima dawk li għandhom iktar minn 80 sena issa bdiet tingħta lis-suldati u mbagħad lill-pulizija.

B’kollox Malta se tirċievi miljun doża mill-Astra Zeneca; 650,000 doża mill-Pfizer u 270,000 doża mill-Moderna b’Fearne kwotat jgħid fil-Parlament li pajjiżna se jkollu biżżejjed dożi biex titlaqqam il-popolazzjoni għal darbtejn.

Share With: