Il-vetturi fit-toroq jiżdiedu b’56 kuljum

L-aħħar ċifri uffiċjali dwar il-vetturi fit-toroq lokali juru li n-numru żdied b’56 kuljum bejn Lulju u Settembru li għadda.

Il-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li sal-aħħar ta’ Settembru l-‘stock’ tal-vetturi fil-pajjiż kien jammonta għal 400,586.

Minn dawn 76.8% kienu karozzi tal-passiġġieri, 13.8% vetturi kummerċjali, 8.3% muturi jew ‘quadricycles’ u ATVs waqt li inqas minn 1% kienu xarabanks jew minibuses.

Mil-lat ta’ vetturi liċenzjati ġodda dawn żdiedu b’5,160 bi 3,490, jew 67.6%, ikunu vetturi tal-passiġġieri segwiti minn 909, 17.6%, bejn muturi, ebicycles u PA-bicycles.

Waqt li 2,329 (54.9%) mill-vetturi b’liċenzja ġdida kienu ġodda, 2,831 kienu ‘second hand’.

Matul l-istess perjodu kien hemm 6,891 vettura li ma baqgħux jintużaw b’34.3% li tpoġġew għall-bejgħ, 31.2% iggaraxxjati u 31.1% li ġew skrappjati.

Kien hemm ukoll 6,696 vettura li tneħħitilhom ir-restrizzjoni b’61.7% kienu garaxxjati u 36.5% mibjugħa.

L-istatistika tal-NSO turi wkoll li sa Settembru li għadda 237,975, jew 59.4%, kienu vetturi b’magni petrol u 155,367, jew 38.8%, kellhom magni diesel.

Il-karozzi elettriċi u hybrid ammontaw għal 1.4% kew 5,495 vettura li kien ifisser żieda ta’ 13.4% fil-karozzi elettriċi, 9.9% aktar vetturi hybrid b’elettriku u petrol kif ukoll 8.5% iżjed hybrid b’elettriku u diesel.

Share With: