Il-varjant mir-Renju Unit qed iħalli impatt fuq iż-żieda fin-numru ta’ każi f’Malta

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-varjant tal-virus mir-Renju Unit qed iħalli impatt fuq in-numru ta’ pazjenti pożitivi għall-Covid-19. 

Qalet li dawk il-każi riżultat tal-varjant mir-Renju Unit diġà jammontaw għal 8% tal-każi kollha. Hija qalet li s’issa ġew konfermati 61 każ ta’ dan il-varjant.

Il-Prof Gauci qalet li għall-ewwel darba, il-medja għal dawn l-aħħar sebat ijiem kienet taqbeż il-200 każ ġdid kuljum.

Hija qalet li l-varjant qed jeffettwa s-sitwazzjoni dwar il-Covid f’pajjiżna minħabba li dan jiġi trasmess ferm aktar malajr. Żiedet tgħid li għaldaqstant huwa kruċjali li s-sitwazzjoni tibqa’ tiġi segwita bir-reqqa.

Il-Prof Gauci għamlet referenza għar-rapid tests li qed jingħaddu mal-istatistika li tiġi ppubblikata ta’ kuljum mill-awtoritajiet tas-saħħa. Qalet li mill-258 każ ġdid li kienu reġistrati llum, 34 irriżultaw mir-rapid testing.

Fl-istess waqt qalet li hemm inqas pazjenti li qed jirċievu kura l-isptar din il-ġimgħa b’paragun mal-ġimgħa li għaddiet, madankollu kien hemm żieda żgħira fin-numru ta’ pazjenti li qed jirċievu kura intensiva.

Hija emfasizzat tal-impatt li qed tħalli l-vaċċinazzjoni, fejn innotat li kien hemm inqas każi fost dawk li għandhom ’il fuq minn 80 sena u li qed jiġu mlaqqma b’paragun ma’ dawk iżgħar fl-età li għad iridu jibdew jieħdu t-tilqima.

Fl-istess waqt hija wissiet li huwa importanti li wieħed kemm jista’ jkun iżomm kuntatt mal-membri tal-familja tiegħu biss, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-clusters ta’ każi huma fost qraba, attivitajiet soċjli u mill-postijiet tax-xogħol.

Share With: