Il-Qorti ssibb biżżejjed provi kontra ż-żewġ qassisin Għawdxin mixlijin b’pedofelija fuq abbati

2:10 p.m: Il-Qorti ssibb biżżejjed provi kontra ż-żewġ qassisin Għawdxin

Il-bqija tax-xhieda l-oħra tibqa’ tgħodd għall-każ ta’ Dun Ġużepp Cini.

F’dan il-każ il-Qorti wkoll sabet biżżejjed provi u għalhekk se tibagħat l-atti ta’ akkużi lill-Avukat Ġenerali

2:00 p.m: L-akkużati talbu biex jibdew iqaddsu mill-ġdid

L-istess xhieda ta’ Dun Anton Teuma fil-każ ta’ Dun Ġużepp Sultana se tgħodd għal każ ta’ Dun Ġużepp Cini wkoll.

L-Isqof qal li huma qatt ma daħlu fid-dettalji tal-allegat abbuż fis-sezzjonijiet li kien ikollhom ma’ xulxin u nħasad kif qara r-rapport ta’ kif allegatament ġie abbużat. 

Qal ukoll li hu min-naħa tiegħu għamel pressjoni biex il-każ ikompli għax kien qisu waqaf. Spjega kif l-akkużati bdew jitolbu li jerġgħu jibdew iqaddsu mill-ġdid.

1:45 p.m: “Il-vittma ma jiftakarx jekk kienx hemm aktar minn każ wieħed ta’ penetrazzjoni” – Azzopardi mis-Safeguarding Commission

Andrew Azzopardi mis-Safeguarding Commission mill-ġdid jieħu postu fuq il-pedina tax-xhieda. L-ewwel xhieda li ta, se tkun tgħodd ukoll għall-każ ta’ Dun Ġużepp Cini.

Azzopardi tkellem dwar il-verżjonijiet kuntrastanti tal-allegat vittma u dik ta’ Cini. Cini minkejja li qal li kien jiftakar l-isem mgħoddi lilu minn Azzopardi, ċaħad li dan qatt kien mar għandu d-dar. Min-naħa l-oħra l-allegat vittma qal li kien imur għandu biex jaraw it-televiżjoni u kien joffrilu xi flus biex jabbuża minnu. L-allegat vittma qal lil Azzopardi li meta kien jgħid lil Cini biex jieqaf, dan kien isir vjolenti.

Azzopardi jispjega dak li qallu l-allegat vittma li jikkalkula li ġie abbużat bejn tmienja u disa’ darbiet f’kull sena fuq perjodu ta’ sentejn. Sultana kien ukoll jabbuża minnu fl-istess perjodu. L-allegat vittma ma jiftakarx jekk kienx hemm aktar minn każ wieħed ta’ penetrazzjoni.

Tintemm ix-xhieda ta’ Azzopardi

1:30 p.m: Il-Qorti tgħid li hemm biżżejjed provi fil-konfront ta’ Dun Ġużepp Sultana

Il-Qorti sabet li hemm biżżejjed povi mressqa fil-konfront ta’ Sultana u għalhekk bagħtet l-atti ta’ akkuża lill-Avukat Ġenerali.

L-Avukat difensur Formosa talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Dun Ġuzepp Sultana. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, iżda talbet li din id-deċizjoni tittieħed mill-Avukat Ġenerali.

Il-każ se jkompli jinstema’ fit-8 ta’ Marzu fl-10:45 a.m.

1:15 p.m: Is-seminaristi u l-ġenituri kienu jgħinu lill-abbatini

Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ issa Mons Carmelo Refalo, l-Arċipriet tax-Xagħra Għawdex. Huwa qal li huwa kien inkarigat bħala Arċipriet tax-Xagħra f’April tas-sena 2005. Huwa żied jgħid li l-għajnuna fil-grupp tal-abbatini kienet tingħata mis-seminaristi u mill-ġenituri tal-istess abbatini.

Mistoqsi dwar il-kamra tal-qrar li fiha kien iseħħ l-allegatament abbuż, l-Arċipriet qal li kienet tintuża għal telefonati u mhux għall-qrar. Dwar is-sala tal-Kapitlu, qal li din tintuża b’mod rari, għax fiha hemm affarijiet prezzjużi.

Tintemm ix-xhieda ta’ Mons Carmelo Refalo…

1:00 p.m: “Qatt ma rajt għajn ħażina mill-imputati”

Fuq il-pedana tax-xhieda jitla’ issa Fr Dominic Sultana. 

Fr. Dominic qal li ltaqa’ mal-vittma fil-komunità Cenacolo (li jifforma parti minna l-allegat vittma) u li jmorru fiha żgħażagħ li jkunu tilfu l-iskop ta’ ħajja. Kompla biex jgħid li meta l-allegat vittma tkellem miegħu dwar l-abbuż hu kkonvinċih biex imur għand il-pulizija jew is-Safeguarding Commission mingħajr ma ħallih jgħidlu ħafna dettalji. Huwa fetaħ qalbu ma’ dan tal-aħħar, iżda ma riedx li l-każ imur għand il-Pulizija għax jispiċċa kulħadd jitkellem dwaru.

Rigward l-imputati huwa qal li jafhom u li qatt ma ra għajn ħażina minnhom.

Tintemm ix-xhieda ta’ Fr. Domnic…

12:45 p.m: “Il-vittma ma fetaħx qalbu mal-ewwel dwar l-allegat abbuż”

Tintemm ix-xhieda tal-Isqof Teuma.

 Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Isqof Anton Teuma, fejn identifika lill-imputat Dun Ġużepp Sultana. Teuma qal li ltaqa’ mal-allegat vittma mad-19-il darba u li dan mhux mill-ewwel tkellem miegħu dwar l-allegat abbuż. Kienu l-ġenituri tal-allegat vittma li rreferewh wara li kellu inċident fuq il-post tax-xogħol.

Kien f’Awwissu tal-2019 meta l-allegat vittma qalllu li kien ġie abbużat u Teuma beda jagħmillu diversi mistoqsijiet, iżda l-allegat vittma ma riedx jirrapporta. Qabel ma telaq lejn is-safar, l-allegat vittma żvela l-ismijiet ta’ dawk li skontu kienu abbużawh. Teuma jkompli biex jgħid li r-raġel li ressaq l-allegazzjonijiet kellu sintomi ta’ persuna li għadda minn trawma. 

L-Isqof jikkonferma li kien proprju fis-sitt laqgħa tiegħu mal-allegat vittma li dan fetaħ qalbu dwar l-abbuż.

12:00 p.m: “Sultana ċaħad l-akkużi għal aktar minn darba … L-allegat vittma rċieva ittra li tista’ titqies bħala theddida”

Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ jixhed Andrew Azzopardi mis-Safeguarding Commission.

Azzopardi beda biex jgħid li fis-17 t’Awwissu tas-sena li għaddiet irċieva telefonata mingħand raġel u qallu li għandu bżonn ikellmu. Huwa ltaqa’ mal-allegat vittma f’Għawdex u dan irrakkuntalu x’kien ġralu meta kellu bejn tmienja u disa’ snin.

L-allegat vittma qal lil Azzopardi li Dun Gużepp Sultana kien jabbużah sesswalment iżda ma kienx hemmm stupru. Qal li f’konfessjonarju u anke f’kamra oħra li tissejaħ tal-Kapitlu kien ineżżgħu, jimmasturbah u anke jbusu.

Fit-23 t’Awwissu 2020 l-vittma batlu r-rapport finali tiegħu, hawn informa lill-Isqof ta’ Għawdex f’dak il-perjodu Mario Grech u l-Isqof elett Anton Teuma sabiex jagħmlu restrizzjonijiet u ma jibqgħux jqaddsu. L-għada sar rapport lill-pulizija.

Fit-8 ta’ Ottubru s-Safeguarding ppreżentat l-akkużi lil Dun Ġużepp Sultana. Huwa ċaħad dawn l-akkużi għal aktar minn darba. 

Azzopardi kien avża lil Dun Ġużepp Sultana biex ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-allegat vittma, iżda kompla jitkellem dwar kif intbagħtet ittra li skontu hija ta’ theddida.

Tintemm ix-xhieda ta’ Azzopardi…

11:45 a.m: “Nhar ta’ Ħadd kien ikun hemm madwar 50 persuna fis-Sagristija”

Dun Karist xehed li kien Arċipriet fix-Xagħra Għawdex bejn l-1973 u l-2004. 

Dun Karist kompla jgħid li hu kien is-Seminarju mal-imputat Ġużepp Sultana, filwaqt li wkoll jafu mill-Parroċċa tax-Xagħra.

Dun Karist qal li hu kien jieħu ħsieb lill-abbatini tal-Parroċċa u li kien hu li għammed lill-vittma u tenna li ma jiftakarx jekk kienx abbati fi żmienu. Tkellem dwar perjodu lura fl-2003 meta kien ġie sostitwit minn Dun Ġiljan Refalo, li aktar tard kien ġie sostitwit minn Mons Carmelo Refalo.

Nhar ta’ Ħadd fis-Sagristija kien ikun hemm madwar 50 persuna fis-Sagristija, inkluż abbatini, qassisin, ġenituri tal-abbatini u anke nies biex jidħlu jqerru. 

Tintemm ix-xhieda ta’ Dun Karist Sultana.

11:30 a.m: “Il-Ġustizzja trid tidher li qiegħda ssir” – Il-Maġistrat tiċħad it-talba biex il-każ ikompli fil-magħluq

L-avukat difensur Formosa tressaq talba oħra biex il-Qorti tipprojbixxi l-pubblikazzjoni tal-proċediment fil-Qorti sakemm tintemm ix-xhieda u dan sabiex dawk li għad iridu jixhdu ma jkunux jafu x’qiegħed jintqal.

Il-Maġistrat mill-ġdid tiċħad it-talba u ssostni li l-ġustizzja mhux biss trid issir, iżda trid tidher li qiegħda ssir.

Tkompli x-xhieda…

11:00 a.m: L-Avukat ta’ Sultana titlob biex il-każ ikompli jinstema’ fil-magħluq

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, kompla jinstema’ l-każ taż-żewġ qassisin Għawdxin li qed jiġu akkużati b’pedofelija fuq abbati. 

Ġie deċiż li l-qorti għandha tisma’ l-każi separatament u b’hekk l-ewwel se jibda jinstema’ l-każ ta’ Joseph Sultana. Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone. Kemm Cini kif ukoll Sultana qegħdin jiġu rappreżentati mill-istess avukat, Angele Formosa.

Minkejja li l-avukat Formosa talbet li x-xhieda tkompli tinstema’ fil-magħluq, il-prosekuturi u l-avukat Jean Paul Grech; li qiegħed jidher f’isem l-allegat vittma ma qablux ma din it-talba. L-Ispettur Joseph Busuttil sostna li dan mhuwiex l-ewwel każ li qiegħed jiġi rrapurtat bħala blog fuq il-midja.

Il-Maġistrat ma laqgħetx it-talba mressqa minn Formosa.

8:30 a.m: Illum ikompli jinstema’ l-każ taż-żewġ qassisin Għawdxin

Dalgħodu mistenni jkompli jinstema’ l-każ fil-konfront ta’ Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena u Dun Ġużepp Cini ta’ 71 sena.

Sultana qed jiġi akkużat li bejn l-2003 u l-2005 abbuża sesswalment minn abbati filwaqt li Cini qed jiġi akkużat li fl-istess perjodu kkommetta stupru fuq l-istess abbati.

Fis-27 ta’ Jannar li għadda, iż-żewġ qassisin baqgħu jinżammu arrestati wara li nstemgħet ix-xhieda tal-vittma f’dan il-każ.

Share With: