Il-qgħad f’Diċembru jibqa’ inqas mill-medja tal-UE

L-aħħar ċifri dwar il-qgħad fost il-pajjiżi membri tal-UE juru li f’Diċembru li għadda Malta kellha rata inqas mill-medja fl-istati l-oħra kif ukoll f’dawk li jużaw l-Ewro bħala l-munita tagħhom.

Ċifri tal-Eurostat juru li f’Diċembru kien hawn 4.5% persuni qiegħda f’pajjiżna, l-istess rata sa minn Ottubru, meta fil-pajjiżi membri r-rata kienet ta’ 7.5% u dawk li għandhom l-Ewro 8.3%.

Fost dawk li għandhom taħt il-25 sena l-qgħad f’pajjiżna kien ta’ 11% meta fost il-pajjiż membri laħaq is-17.8% u f’dawk fosthom li qegħdin fiz-Zona Ewro kien ta’ 18.5%.

Iċ-ċifri juru wkoll li waqt li f’Diċembru kien hawn bla xogħol 4.5% tal-irġiel u 4.4% tan-nisa lokali, fl-UE kien hemm 7.9% tal-irġiel u anke tan-nisa bla impjieg waqt li fil-pajjiżi taz-Zona Ewro r-rata kienet ta’ 8.8% għat-tnejn.

F’termini ta’ individwi, iċ-ċifri tal-Eurostat juru li f’Malta u Għawdex kien hawn 12,000 ifittxu impjieg meta fl-istati membri kien hemm 16-il miljun bi 13.6 miljun fost stati oħra li l-Ewro hija l-munita tagħhom.

Share With: