Il-Pulizija tista’ tressaq ieħor fuq il-mewt ta’ Miriam Pace

L-investigazzjonijiet tal-Pulizja dwar il-mewt traġika ta’ Miriam Pace jistgħu jwasslu biex titressaq persuna oħra fil-Qorti.

Kien is-Supretendent Robert Vella li żvela dan quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud hekk kif kompliet tinstema l-kumpulazzjoni ta’ tnejn mill-erba’ persuni li tressqu b’rabta mal-imsemmija traġedja.

Il-persuna li ssemmiet hija Christopher Zarb, wieħed mill-imsieħba fil-konsorzju MCZMC Developers Limited li hija s-sid tas-sit fejn kien qed isir ix-xogħol.

Kien fit-2 ta’ Marzu 2020 meta d-dar f’Santa Venera li fiha Pace kienet tgħix ma’ żewġha u binhom iġġarrfet u radmet lill-mara ta’ 54 sena.

L-erba’ akkużati mixlijin bil-qtil involontarju huma l-perit tal-proġett Roderick Camilleri, il-perit li kien qed iservi bħala ‘site technical officer’ Anthony Mangion, il-kuntrattur Ludwig Dimech u l-ħaddiem Nicholas Spiteri.

Waqt li Dimech u Spiteri talbu biex il-każ jgħaddi mill-ewwel biex jinsema ġuri, il-każ fil-konfront taż-żewġ periti kompla jinstema fil-Qorti tal-Maġistrati.

Kien meta s-Supretendent Vella sejjaħ lil Christopher Zarb biex jixhed li l-Avukat Giannella Caruana Curran staqsiet jekk il-Pulizija kinitx għalqet l-investigazzjoni dwar il-klijent tagħha.

Meta s-Supretendent Vella nforma lill-Maġistrat Mifsud li le hija irrimarkat li Zarb kien qed jagħżel li ma jixhidx għax kellu d-dritt tas-silenzju.

L-Avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għall-Perit Camilleri, oġġezzjona u sostna li l-mistoqsijiet kellhom isirulu xorta u jekk irid jagħżel li ma jweġibx.

Madankollu l-Maġistrat Mifsud laqa’ it-talba tal-Avukat de Marco u għalhekk Zarb ma xehedx.

Share With: