Il-protesti fil-Myanmar jipparalizzaw il-pajjiż

Fl-aħħar sigħat id-dimostranti ġewwa l-Myanmar reġgħu niżlu fit-toroq biex juru r-rabja tagħhom kontra l-kolp ta’ stat li seħħ fl-1 ta’ Frar li għadda li fih ġiet arrestata wkoll il-Prim Ministru Aung San Suu Kyi. Jidher li l-pulizija użaw il- forza f’minn tal-inqas ’żewġ dimostrazzjonijiet li kien hemm fl-aħħar sigħat bil- għan li jxerrdu l-folla. 

Il-protesti u l-istrikes li għaddejjin fil-pajjiż wasslu biex ipparalizzaw ħafna uffiċini tal-gvern. Id-dimostranti jidher li mhux se jċedu malajr minkejja li l-ġunta militari wiegħdet elezzjonijiet ġodda kif ukoll wissiet lill-ħaddiema tal-gvern biex jirritornaw lura x-xogħol. Dawn tal-aħħar kienu saħansitra mhedda b’azzjonjiet jekk ma jidħlux ix-xogħol. 

Fil-belt ewlenija ta’ Yangon fl-aħħar sigħat inġemgħu għexieren ta’ eluf ta’ persuni fejn uħud minnhom li tkellmu mal-midja qalu li huma ma jixtiqux li jgħixu f’dittatorjat u jridu jgħixu ħajjithom bla biża’. Dimostranti oħrajn inġabru f’għadd ta’ żoni madwar Yangon b’post popolari jidher li huwa qrib l-università ewlenija ta’ din il-belt. 

Suu Kyi, li kienet eletta demokratikament u li kienet ingħatat il-premju Nobel għall-Paċi, qiegħda tinżamm arrestata f’darha mill-mexxejja militari. Hija se tkun qiegħda tidher quddiem il-qorti fl-1 ta’ Marzu li ġej. Suu Kyi llum għandha 75 sena u fil-passat kienet għamlet kważi 15-il sena arrestata f’darha minħabba l-isforzi u l-ħidma tagħha biex fil- pajjiż ikun hemm tmexxija demokratika. 

Minn kemm ilu li sar il-kolp ta’ stat ġew arrestati madwar 495 persuna li minn dawn 460 għadhom fil-kustodja tal-pulizija. 

Share With: