Il-President George Vella jħabbar konferenza dwar l-għaqda nazzjonali

Il-President ta’ Malta George Vella illum ħabbar li se tkun qed tiġi organizzata konferenza dwar l-għaqda nazzjonali f’pajjiżna. Il-konferenza se tkun qed tinżamm fis-27 ta’ Frar fil-Palazz Verdala.

Il-konferenza ssegwi fuq dak imwiegħed mill-President fid-diskors tiegħu dakinhar tal-ġurament tal-ħatra tigħu f’April tal-2019 meta saħaq li se jkun qed jaħdem bis-sħiħ biex isaħħaħ l-għaqda nazzjonali fil-pajjiż.

L-għan tal-konferenza hija biex jiġu diskussi suġġetti varji filwaqt li titqajjem il-kuxjenza dwar jekk Malta u ċ-ċittadini tagħha humiex magħqudin bħala pajjiż. Il-konferenza se tkun qed tagħmel mistoqsijiet pertinenti dwar x’qed iwassal għan-nuqqas ta’ għaqda fil-pajjiż u x’jista’ jsir biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet.

Il-President emfasizza li l-konferenza għandha tibqa’ ’l bogħol mill-politika partiġġjana minħabba li dwar dan jeħtieġ li jkun hemm diskussjoni wiesgħa, bil-pubbliku jingħata l-opportunità biex isemma leħnu b’mod liberu.

Fost dawn li se jkunu qed jieħdu sehem fil-konferenza hemm il-Professur Simone Borg, il-Professur Andrew Azzopardi, Reno Bugeja, il-Professur Carmen Sammut, il-kittieb Aleks Farrugia, u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb.

Share With: