“Il-PM ma kisirx l-etika meta kien qiegħed iwieġeb lill-ġurnalisti f’Ottubru li għadda”

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jissuġġerixxi li l-PM ma jweġibx qabel jara li qiegħda tinżamm id-distanza soċjali

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Prim Ministru Robert Abela ma kisirx l-etika meta kien qed wieġeb domandi tal-ġurnalisti mingħajr ma kien liebes maskra f’każ li seħħ f’Ottubru li għadda.

Fit-23 ta’ Ottubru li għadda l-Prim Ministru u l-istaff tiegħu kienu kollha lebsin il-maskra waqt l-inawgurazzjoni tal-mini f’Santa Luċija, iżda meta avviċinat mill-ġurnalisti biex iwieġeb xi mistoqsijiet il-Prim Ministru neħħa l-maskra.

Skont il-Kummissarrju l-Prim Ministru ma kienx qiegħed jisfida r-regolamenti iżda għamel dan sempliċiment biex jinftiehem b’mod aktar faċli u kkunsidra wkoll li dawn it-tweġibiet kienu se jiġu rrapurtati mill-midja.

Kien għalhekk li l-Kummissarrju kkonkluda li traskuraġni ħafifa m’għandhiex twassal għal kundanna ta’ ksur tal-etika u b’hekk l-ilment ma ntlaqax.

Il-Kummissarrju tenna jgħid li f’każi bħal dawn ikun għaqli li l-istaff jitlob lill-ġurnalisti jżommu d-distanza u l-Prim Ministru ma jweġibx qabel mal-ġurnalisti josservaw dawn l-istruzzjonijiet. Intant huwa fakkar li l-ġurnalisti għandhom iżommu d-distanza u għalhekk irrakkomanda l-użu ta’ mikrofoni bil-lasta.

Share With: