Il-PM jisħaq li l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar jiem juru kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu

L-aħħar żviluppi fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia juru li s-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet f’Malta qed jaħdmu. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, wara li tard ilbieraħ filgħaxija Robert Agius u Jamie Vella kienu mixlijin b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Vella kien mixli wkoll b’rabta ma’ delitt ieħor, dak tal-avukat Carmel Chircop, li nqatel f’garaxx f’Birkirkara fl-2015. Adrian Agius kien mixli li kien il-moħħ wara dan id-delitt.

Intant matul il-konferenza tal-aħbarijiet Abela qal li l-fatt l-Pulizija waslet biex aktar persuni jiġu mixlijin jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qed jaħdmu.

Huwa saħaq li “bla ebda dubju dak li seħħ din il-ġimgħa jikkonferma li f’Malta hawn saltna tad-dritt”.

Filwaqt li rringrazzja lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għal ħidmiethom, huwa wiegħed li se jkun qed jipprovdi r-riżorsi neċessarji biex tkompli l-ħidma mingħajr indħil politiku.

Huwa temm jisħaq li gvern immexxi minnu huwa favur tas-sewwa.

Share With: