Il-PM iżur il-fabbrika ‘Fresh to Go Foods’ li nediet investiment ta’ €4 miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika Fresh to Go Foods, kumpanija li timporta u tixtri frott u ħaxix lokali li attwalment jitqassam għand bosta negozji madwar Malta u Għawdex.

Waqt iż-żjara li għamel fil-fabbrika f’Burmarrad, il-Prim Ministru seta’ jsegwi mill-qrib il-proċess dettaljat u professjonali li jsir ta’ kuljum mill-ħaddiema ta’ Fresh to Go Foods sabiex il-ħaxix u l-frott jinħasel, jitqatta’ u jiġi ppakkjat lest għat-tqassim u l-ikkunsmar.

L-investiment ta’ €4 miljun jikkonsisti f’rinovar fil-bini tal-fabbrika, fil-makkinarju, fil-vetturi u fl-istħarriġ li jingħata lill-ħaddiema li jammontaw għal 50 ruħ.

Fresh to Go Foods bdiet topera fl-2019 u wriet reżiljenza qawwija matul is-sena li għaddiet. Minkejja l-effetti tal-pandemija u l-għeluq ta’ bosta stabbilimenti li ħallew effett fuq l-operat tal-kumpanija, it-tim maniġerjali spira ruħu sabiex jindirizza swieq differenti hekk kif il-Maltin u l-Għawdxin saru iżjed konxji tal-prodotti tal-ikel li jikkunsmaw. Klijenti lokali llum il-ġurnata jistgħu jgawdu minn prodotti friski li jitwasslu barra l-bieb tagħhom u jeliminaw għalkollox il-ħtieġa li joħorġu mid-dar tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela sellem u rringrazzja lill-impjegati kollha talli kienu ta’ sostenn importanti matul dan iż-żmien. Dr Abela qal li l-investiment flimkien mal-professjonalità li jħaddnu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huwa eżempju perfett ta’ kif għandu jopera kull negozju f’pajjiżna. Il-Prim Ministru nnota l-kuraġġ u r-reżiljenza li wriet it-tmexxija ta’ din il-kumpanija li minn jum għal jum tkompli tqawwi l-ħidma tal-gvern sabiex ikun ta’ spalla għan-negozji f’pajjiżna.

Id-direttur tal-kumpanija Matthew Sammut qal li t-tim kollu u l-ħaddiema qegħdin iħejju pjani sabiex ikomplu jkabbru l-investiment tagħhom bi proġetti u prodotti ġodda li minn żmien għal żmien il-konsumatur qiegħed juri interess qawwi fihom. Is-Sur Sammut, filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru taż-żjara li għamel, wera apprezzament lill-impjegati, il-klijenti u l-aġenti tal-koperazzjoni tagħhom f’dawn iż-żminijiet. 

Share With: