Il-Papa jappella għal aktar karità ma’ dawk l-aktar affettwati mill-pandemija fi żmien ir-Randan

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku jistieden lill-Kattoliċi sabiex jagħmlu mixja ta’ konverżjoni u jħaddnu tliet virtujiet importanti: li jemmnu, jittamaw u jħobbu. Fi kliem il-Papa, “ir-Randan hu żmien biex nemmnu, jew aħjar biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna”. Għaldaqstant, is-sawm jgħinna neħilsu mit-toqol tal-ħajja u nħallu lill-Mulej jgħammar fina. Fil-kuntest attwali ta’ tħassib u inċertezza li ninsabu fih minħabba l-pandemija, il-Papa Franġisku jenfasizza li “ż-żmien tar-Randan hu magħmul biex nittamaw,” u għalhekk għandna “nkunu iżjed attenti biex inlissnu ‘kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu, flok kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru’”. Il-Papa jisħaq ukoll li matul ir-Randan il-Kattoliċi għandhom jagħmlu karità u jieħdu ħsieb lil dawk li jinsabu “f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’ minħabba l-pandemija tal-COVID-19”.

Nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2021, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu. L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra l-quddiesa ta’ Ras ir-Randan fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni (Sarria) fil-Furjana, li tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied.

Share With: