“Il-pajjiż jeħtieġ aktar nies bħalek”; Messaġġ minn bint is-Surġent Simon Schembri fl-aħħar jum ta’ 25 sena servizz fil-Korp

“Il-pajjiż jeħtieġ aktar nies bħalek.” Hekk qalet Leah Schembri, bint is-Surġent Simon Schembri f’kumment fuq il-midja soċjali li kien ippubblikat proprju fl-aħħar jum ta’ 25 sena servizz tiegħu fil-Korp tal-Pulizija.

Hija qalet li dawn is-snin kienu kkaratterizzati minn mumenti feliċi, iżda wkoll speċjalment minn mumenti negattivi. “Madankollu jien kburija li ħriġt minn dan kollu bħala raġel aktar b’saħħtek… 25 sena tgħin u ssalva ħajjet in-nies u aktar minn hekk tispiċċa tkun pazjent inti u tispiċċa tissielet għal ħajtek,” saħqet Leah.

Tenniet li t-traġedja li għaddew minnha bħala familja għenithom biex jirrealizzaw kemm huwa importanti li jitgawda kull mument li jkollhom flimkien.

F’Mejju tal-2018 Schembri kien spiċċa jiġġieled għal ħajtu wara li Liam Debono, li dakinhar kellu 17-il sena, allegatament saq il-karozza tiegħu fuq Schembri u baqa’ jkaxkru għal diversi metri. kaġun tal-inċident Schembri kellu jinżamm għal tul ta’ żmien fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, u anke tilef idu.

Share With: