Il-MPE Alex Agius Saliba bi rwol ewlieni fit-tnedija tal-alleanza tal-kannabis mediċinali tal-UE fil-Parlament Ewropew

Il-MPE tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, flimkien mal-kollegi tiegħu mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, mill-grupp Renew Europe u l-grupp tal-Ħodor, nedew alleanza tal-kannabis Mediċinali tal-UE.

L-għanijiet ta’ din l-alleanza se jkunu li tiġi introdotta ħtieġa urġenti għall-armonizzazzjoni tal-istandards tal-kannabis mediċinali madwar l-Istati Membri tal-UE.

“Illum, fil-Jum Dinji tal-Kanċer, kien jum importanti ħafna biex titnieda din l-alleanza, peress li ħafna pazjenti bil-kanċer qed jistennew it-trattament tagħhom tal-kannabis mediċinali u kuljum qed jiffaċċjaw ostakli. Il-kannabis mediċinali qed tintuża dejjem aktar ta’ spiss għat-trattament ta’ pazjenti b’kundizzjonijiet differenti, u x-xjenza qed turi li r-riżultati huma inkoraġġanti ħafna. Filwaqt li aktar nies qed jaċċettaw l-użu tal-kannabis għall-kura u l-għajnuna f’diversi kundizzjonijiet, jidher ċar li dan il-progress qed jitrażżan mir-regolamenti u l-kundizzjonijiet differenti fir-rigward tal-Kannabis Mediċinali li jinsabu f’kull wieħed mis-27 Stat Membru. Dawn id-differenzi kbar jagħmluha aktar diffiċli biex nikkooperaw u nimxu ‘l quddiem flimkien għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna”, qal il-MPE Agius Saliba.

Il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea dwar il-prodotti mediċinali ma jimpedixxix li prodott ibbażat fuq il-kannabis jirċievi awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Dawn il-prodotti jaqgħu taħt l-istess rekwiżiti tad-dejta bħal kull prodott mediċinali ieħor li jappoġġa l-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja. Madankollu, fin-nuqqas ta’ talbiet għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu aċċess għall-kannabis mediċinali, lil pazjenti msemmija fuq bażi ta’ riċetta, li tista’ tinvolvi numru ta’ ostakli amministrattivi.

Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tarmonizza l-istandards tal-prodotti mediċinali tal-kannabis fl-Istati Membri kollha. Approċċ armonizzat għal suq tal-kannabis mediċinali legalizzat u rregolat se jtejjeb l-aċċess ġust tal-pazjenti għal mediċini bbażati fuq il-kannabis. Sfortunatament, bħalissa għandna f’sitwazzjoni fejn standards diverġenti jwasslu għal prezzijiet ħafna ogħla u għal nuqqas ta’ prodotti f’ċerti Stati. Irridu niżguraw li l-kannabis mediċinali tkun affordabbli għaċ-ċittadini kollha tagħna!” qal il-MPE Agius Saliba.

“Barra minn hekk, neħtieġu djalogu aktar miftuħ ma’ pazjenti li jużaw il-kannabis mediċinali sabiex jiġi stabbilit settur mediċinali tal-kannabis sostenibbli u b’kuxjenza ambjentali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni” kkonkluda l-MPE Laburista Alex Agius Saliba.

Share With: