Il-Ministru Abela bi żjarat f’diversi stazzjonijiet tar-radju fil-Jum Internazzjonali tar-Radju
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Radju, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela żar numru ta’ stazzjonijiet tar-radju, fejn it-tema tal-jum għal din is-sena hija l-evoluzzjoni, l innovazzjoni u r-rabtiet.
Din hija ġurnata li kienet immarkata għal-ewwel dabra mill-UNESCO fl-2011, li mbgħad kienet adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda sena wara. Ir-radju jiċċelebra d-diversità tal bniedem u jgħin sabiex iwassal il-kunċett tad-demokrazija.
Biex jimmarka dan il-jum, il-Ministru Abela żar l-istazzjonijiet 89.7 Bay, ONE Radio, Radju Malta u Magic Malta fil-ħin ta’ filgħodu, li hu sinonimu mal-breakfast shows li jibdew ġurnata oħra ta’ xandir radjofoniku.
Fl-intervent tiegħu fuq l-istazzjon nazzjonali Radju Malta, il-Ministru stqarr kif minkejja l-avvanzi teknoloġiċi r-radju fl-2021 għadu l-mezz ewlieni kif wieħed jasal għand in-nies madwar id-dinja, u qal kif ir-radju huwa mezz li jeduka u jservi bħala mezz ta’ divertiment. Barra min hekk, ir-radju wkoll huwa ta’ wens għal dawk li forsi għaddejjin minn żmien diffiċli jew anke li waqgħu fis-solitudni.



Il-Ministru semma’ wkoll l-irwol importanti tar-radju li jinforma, mill-aħbarijiet, ir-rapporti ta’ temp jew rapporti ta’ traffiku sa anke dibattitu politiku jew programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. F’dan il-kuntest, ir-radju jservi bħala pjattaforma għad-diskussjoni pubblika li hija ċentrali għal demokrazija ħajja u sana.
Huwa temm jgħid li, bħala ħidma tal-gvern fl-istazzjon nazzjonali, qed issir ħidma sabiex l-operat tal-istazzjonijiet nazzjonali jkun dejjem iżjed professjonali u aċċessibbli għal kulħadd.