Il-MAM twissi li l-ITU u s-swali f’Mater Dei daqt mhux se jlaħħqu man-numru ta’ pazjenti

It-Taqsima tal-Kura Intensiva u s-swali fl-Isptar Mater Dei daqt mhux se jkunu qed ilaħħqu man-numru ta’ pazjenti. Qalet dan l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) hekk kif wissiet li l-aħħar unit addizzjonali tal-ITU jaf ikun jeħtieġ li jinfetaħ illum.

Il-MAM qalet li tinsab imħassba serjament dwar kif wara l-Karnivl in-numru ta’ każi ġodda tela’ b’mod konsistenti ’l fuq minn 200 każ kuljum.

L-Assoċjazzjoni qalet li filwaqt li l-perjodu tal-festi tal-Milied wasslu għal żieda “diżastruża” fin-numru ta’ każi ġodda, il-miżuri li tħabbru qabel il-Karnival irriżulta li kienu inadegwati u sarrfu f’żieda oħra ta’ każi.

Żiedet tgħid li filwaqt li taqbel mal-Ministru Chris Fearne dwar dak li qed jikkontribwixxi għaż-żieda fil-każi, il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-falliment ta’ teħid ta’ miżuri aktar effettivi.

Il-MAM saħqet ukoll li filwaqt li r-rata ta’ vaċċinazzjoni qed tipprogressa b’rata aktar mgħaġġla minn pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, għad trid tiġi mlaqqma l-ewwel persuna minn dawk li jaqgħu fil-faxx ta’ bejn is-60 u t-80 sena.

Share With: