Il-klinika tal-mard sesswali fil-Mater Dei tara inqas pazjenti fl-2020

Forsi minħabba l-pandemija imma l-istatistika turi li matul is-sena li għaddiet naqsu l-persuni li marru għal viżta fil-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei li fiha jiġu inviżtati persuni b’mard sesswali.

Kienet id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia li staqsiet lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kemm-il persuna rċeviet servizz mill-imsemmija klinika mill-2013 ‘il hawn.

Fearne weġibha li waqt li fl-2013 kien hemm 3,035 attendenza fl-2014 dawn telgħu għal 3,946; fl-2015 għal 4,504; fl-2016 għal 6,022; fl-2017 komplew jiżdiedu għal 6,277; fl-2018 laħqu s-7,218; fl-2019 żdiedu għal 7,469 imbagħad fl-2020 niżlu għal 4,718.

Il-Ministru tas-Saħħa ippreċiża li persuna tista’ tattendi l-imsemmija klinika għal aktar minn darba fis-sena kif fil-fatt jiġri.

Mistoqsi wkoll mill-istess deputat biex jgħid kemm mis-servizzi li tagħti l-GU Clinic jingħataw ukoll mill-kliniċi fil-lokalitajiet, Fearne wieġeb li sal-lum is-servizzi jingħataw biss mill-Mater Dei imma qed jitfasslu pjanijiet biex jibdew jingħataw ukoll fiċ-ċentri tas-saħħa u l-kliniċi fil-kommunità.

Comodini Cachia staqsiet ukoll kemm-il test tal-HIV sar kull xahar minn Mejju 2020 u kemm minnhom instabu pożittivi b’Fearne iweġibha li bejn Mejju u Diċembru 2020 saru 14,335 test li minnhom 62 irriżultaw pożittiv.

Fearne kien mistoqsi wkoll mill-istess deputa kemm kien in-numru ta’ impjegati fil-GU Clinic mill-2013 ‘il hawn bir-risposta tkun li minn tlieta fl-2013 illum hemm sitta jaħdmu fiha.

Share With: