Il-GWU u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja f’laqgħa dwar l-importanza tat-trejdjunjins biex ikollna inklużjoni b’saħħitha fuq il-postijiet tax-xogħol 

F’laqgħa li saret bejn is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, ġie diskuss ir-rwol b’saħħtu li għandhom it-trejdjunjins fil-mixja tal-pajjiż favur inklużjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat kif it-trejdjunjins  għandhom irwol b’saħħtu x’jaqdu.

“Rajna tul is-snin ir-rwol b’saħħtu tat-trejunjins, u maż-żmien dan ir-rwol kompla jevolvi lil hinn mir-rwol tradizzjonali tiegħu. Nemmnu li l-GWU hija parti importanti fil-mixja tal-pajjiż fejn tidħol l-inklużjoni u wkoll il-kwalità tal-ħajja”, sostniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

“Fil-GWU naraw partner b’saħħtu fuq kif il-kelma inklużjoni titħaddan b’mod effettiv fuq il-post tax-xogħol. Ħafna drabi naraw sitwazzjonijiet li minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar, fost l-oħrajn, diżabbiltajiet li jfeġġu waqt il-ħajja tal-individwu, kollegi u min iħaddem, ma jkunux jafu kif jistgħu jgħinu jew iġibu ruħhom”, temmet il-ministru.
Matul il-laqgħa s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja tenna l-impenn u s-sostenn tal-GWU u qal li l-unjin se tkun parti mill-kampanji ta’ għarfien li l-Ministeru għall-Inklużjoni se jkun qiegħed iniedi fix-xhur li ġejjin.

“Se nagħtu l-appoġġ u s-sostenn kollu tagħna f’dawn l-inizjattivi biex jitqajjem aktar għarfien. Nemmnu li l-għarfien hu l-akbar għodda biex ngħinu lil persuni li għandhom diżabbiltà kemm fiżika u dik li ma tidhirx, isibu l-appoġġ kollu meħtieġ mill-kollegi u minn min iħaddem”, qal Josef Bugeja.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Matthew Vella, u l-Kap tas-Segretarjat Reuben Sciberras.

Share With: