Il-Gvern u l-privat b’laqgħat regolari dwar l-avjazzjoni

L-ewwel forum bejniethom għall-aħħar ta’ Marzu; fl-2020 ajruplan reġistrat Malta kull jumejn

Lejn l-aħħar ta’ Marzu li ġej se jiltaqa’ għall-ewwel darba l-Aviation Stakeholders Forum fejn dawk kollha involuti fis-settur tal-avjazzjoni, kemm jekk bħala Gvern kif ukoll jekk fis-settur privat, se jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom flimkien dwar il-futur ta’ dan il-qasam li bħalissa jinsab iffaċċjat mill-pandemija.

Kien il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg li nieda l-Aviation Stakeholder Forum fl-ajruport fejn spjega kif il-fatt li l-Gvern ġabar lil dawk kollha interessati fis-settur taħt ministeru wieħed ta l-opportunità li jiltaqgħu flimkien.

Huwa sostna li l-Aviation Stakeholders Forum mhux biss se jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat imma anke dik bejn il-kumpaniji privati nfushom u esprima l-konvinzjoni tiegħu li minkejja s-sajjetta fil-bnazzi li ġabet magħha l-pandemija s-settur se jirkupra.

Il-Perit Karmenu Vella, l-eks-ministru responsabbli mit-turiżmu li ilu minn Awwissu li għadda jservi bħala l-konsulent tal-Gvern dwar l-avjazzjoni, spjega kif dan is-settur iħalli €600 miljun direttament fl-ekonomija u jimpjega mal-4,500 impjegat li jitilgħu għal 50,000 bl-impatt indirett tiegħu.

Waqt li sostna li matul is-snin is-settur mhux biss kiber imma anke tjieb, Vella irrimarka li daqs kemm hu settur reżiljenti daqstant ieħor qala daqqa bil-Covid li kienet tkun ikbar kieku l-Gvern ma għenx u qal li wara t-twaqqif tal-Aviation Advisory Committee dak tal-Aviation Stakeholders Forum għandu jkompl jtejjeb is-settur.

Il-Kaptan Charles Pace, Direttur tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, esprima d-dieqa tiegħu li l-pandemija ħalliet bla impjieg ħafna mill-kollegi tiegħu u sostna li xogħolhom huwa li jerġgħu jqajjmu din l-industrija.

Fuq nota pożittiva huwa semma kif matul is-sena li għaddiet Malta rat 180 ajruplan jiġu reġistrati magħha, jiġifieri wieħed kull jumejn, meta f’ħafna pajjiżi oħra dan waqaf. Huwa semma li hemm 13-il kumpanija, uħud kbar, li jinsab f’negozjati biex jirreġistraw ajruplani Malta.

Stanley Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-kumpanija DC Aviation u r-rappreżentant tal-Malta Business Aviation Association, iddeskriva t-twaqqif tal-Aviation Stakeholders Forum bħala strumentali għas-suċċess tal-avjazzjoni għax se jlaqqa flimkien dawk b’interess fis-settur.

Huwa ma naqasx li jirreferi għall-impatt tal-pandemija u sostna li s-settur għandu mill-inqas sentejn biex jirkupra madankollu jinsab kunfidenti jekk il-Gvern u l-privat jaħdmu flimkien fil-futur il-pajjiż jerġa’ jikseb suċċess.

Share With: