Il-Gvern kommess biex jimxi lejn ekonomija b’zero karbonju

Mezzi aktar nodfa ta’ trasport huma pass ieħor ’il quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, joħolqu aktar green jobs u jmexxu ’l quddiem il-pjan ta’ rkupru li jirrispetta l-ambjent ta’ pajjiżna, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. 

Il-Ministru kien qed jitkellem waqt it-tnedija ta’ l-ewwel karozza lussuża li taħdem bl-elettriku mill-kumpanija Dacoby Chauffeur Service, fejn qal li inizjattivi bħal dawn mis-settur privat għandhom jiġu mfaħħra għaliex huma konformi mal-miri tal-Gvern għall-ħolqien ta’ ekonomija b’zero karbonju.

Il-Ministru Farrugia qal li t-tragward ta’ ekonomija b’zero karbonju mhuwiex sfida faċli: li timxi lejn newtralità fil-karbonju tfisser li l-Gvern irid jaħdem fuq inċentivi ġusti lejn din it-tranżizzjoni, kif ukoll li jirrealizza li ċertu setturi ekonomiċi u intrapriżi jeħtieġ li jinbidlu.

“Irridu nibdew nirrealizzaw l-impatt negattiv li għandu t-trasport fuq il-livelli ta’ emissjonijiet fl-arja. Bħala Gvern diġà qed ninċentivaw l-użu ta’ karozzi elettriċi, u żgur mhux forsi se nkunu qed inżidu l-isforzi tagħna f’dan is-settur tant kruċjali. Dan qed isir filwaqt li qed inkomplu ninvestu f’infrastruttura aħjar u lejn sistema ta’ tranżitu tal-massa. Il-promozzjoni ta’ mobbiltà aktar sostenibbli huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd. Impjanti ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-qalba lejn binjiet aħjar u aktar ambjentalment sostenibbli u aktar ippjanar intelliġenti se jkunu qed jgħinu biex nimxu lejn ekonomija b’zero karbonju. Dan kollu se jwassal biex jinħolqu aktar impjiegi hekk imsejħa ‘green jobs’ u jmexxu ’l quddiem pjan ta’ rkupru għal wara l-COVID li jkun jirrispetta l-ambjent – u jgħinuna biex nibnu dak li tlifna b’mod aħjar,” qal il-Ministru.

It-tranżizzjoni ambjentali hija meħtieġa biex inkunu nistgħu nimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-Gvern huwa kommess li jnaqqas l-emissjonijiet filwaqt li jkompli jiġġenera tkabbir ekonomiku, spjega l-Ministru. Huwa żied jgħid li din l-inizjattiva minn Dacoby hija eżempju ta’ investiment li huwa soċjalment u ambjentalment konxju li s-settur privat jista’ jagħmel biex jimxi lejn modi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli. “Aħna lkoll responsabbli li nindirizzaw it-tibdil fil-klima, sija bħala Gvern u anki bħala settur privat. Il-Low Carbon Development Strategy ta’ Malta se tmexxina lejn il-mira ta’ newtralità fil-karbonju u qed naraw li naslu lejn emissjonijiet net-zero. L-ikbar responsabbiltà li għandna bħalissa hija dik li nipproteġu l-pjaneta: li nagħtu futur nadif, san u ambjentalment sostenibbli lil uliedna. Jeħtieġ li nimmitigaw it-theddida tat-tibdil fil-klima qabel ikun tard wisq,” qal il-Ministru filwaqt li żied jgħid li jħares ’il quddiem li jattendi l-laqgħa tant mistennija rigward it-tibdil fil-klima u organizzata mill-Ġnus Magħquda magħrufa bhala COP-26 f’Novembru li ġej, fejn Malta se tkun qed tispjega l-pjan ambizzjuż tagħha fuq livell Ewropew. 

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Dacoby, Darren Zarb, qal li hija waħda mill-ogħla prijoritajiet għal Dacoby li jkunu responsabbli ambjentalment. “Il-viżjoni ta’ din il-kumpanija kienet ċara sa mill-bidu nett meta kienet għadha kumpanija żgħira b’persuna waħda. Dacoby tħares li tkun leader fis-settur tal-industrija ta’ trasport ta’ lussu. Dan ma jfissirx biss li tkun innovatur fil-mod kif tipprovdi trasport lussuż, imma wkoll billi tagħmel għażliet li huma ambjentalment responsabbli. Huwa proprju għaliex qegħedna l-ambjent fuq nett tal-aġenda li investejna aktar minn disgħin elf ewro f’vann Mercedes Benz E-Vito ġdid, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta u fl-infrastruttura meħtieġa bħal charging stations u garaxxijiet.”

Share With: