Il-ġurnali barranin isemmu l-15-il sena li weħel Vince Muscat
L-aħbar li Vince Muscat, il -“Koħħu”, kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lil Daphne Caruana Galizia ġiet irrapportata f’diversi siti elettroniċi ewlenin Ewropej u anke lil hinn mill-kontinent.
Fost dawn kien hemm ir-Repubblica tal-Italja, il-Le Monde ta’ Franza, il-BBC tar-Renju Unit, id-Der Spiegel tal-Ġermanja u s-CNN tal-Istati Uniti.
Muscat ammetta il-qtil quddiem l-Imħallef Edwina Grima fis-seduta li fiha komplew jinstemgħu t-trattazzjonijiet ta’ qabel il-ġuri li huwa u l-aħwa George u Alfred Degiorgio kellhom jgħaddu dwar l-istess delitt.