Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli tħares ‘il quddiem b’aktar taħriġ edukattiv

Matul l-2020, il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli ma baxxietx rasha fil-preżenza tal-pandemija COVID-19 f’pajjiżna, iżda kompliet issaħħaħ il-ħidma soċjali tagħha favur dawk il-persuni li jbatu mill-vizzju tal-logħob tal-azzard. 

Fi sfond taż-żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri fl-uffiċini tal-istess entità, il-Fondazzjoni saħqet li qed tkompli ssaħħaħ il-funzjoni soċjali tagħha permezz tal-proġett ‘Ħu Azzjoni Kontra l-Vizzju tal-Logħob tal-Azzard f’Malta’, taħt il-gwida tal-General Manager u Project Leader tal-istess Fondazzjoni Shawn Zammit. Proġett ta’ €1.1 miljun, parzjalment finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. Minbarra li permezz ta’ stħarriġ nazzjonali, li jkopri l-2018 u l-2019, ġiet iffokata aktar il-lenti fuq ir-realtà tal-vizzju tal-logħob tal-azzard f’pajjiżna, il-Fondazzjoni għamlitha l-missjoni tagħha li tipprovdi taħriġ lil setturi differenti ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor jagħmlu kuntatt ma’ persuni li jbatu mill-vizzju tal-logħob. B’hekk, parti mit-tieni fażi tal-proġett, kompla jiġi attwat il-programm ta’ taħriġ edukattiv onlajn, speċjalizzat lill-imsieħba ewlenin li jgħinu individwi li jbatu mill-vizzju ‘sieket’, li ma jurix sintomi fiżiċi bħall-vizzji oħrajn tad-droga u l-alkoħol.


Infatti, wara t-taħriġ mogħti lil madwar 60 professjonist fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, il-Fondazzjoni lestiet taħriġ lil 150 edukatur li issa jistgħu joffru edukazzjoni aġġornata, speċjalment liż-żgħar tagħna, fir-rigward tal-vizzju tal-logħob tal-azzard. Minn 630 parteċipant, 580 persuna kkonfermat l-attendenza tagħha għat-taħriġ sa Diċembru 2020. Minn 151 sessjoni ta’ taħriġ, 110 tlestew sal-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena. Ir-riċerka u t-taħriġ se jkunu qed iwasslu biex matul din is-sena, il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, permezz ta’ kampanja ta’ għarfien, tkun aktar ta’ servizz lejn dawk li jinsabu fil-bżonn tal-appoġġ tagħha fil-konfront tal-vizzju tal-logħob.

Barra minn dan kollu, matul l-2020 il-Fondazzjoni wettqet taħditiet edukattivi ma’ għalliema tal-PSCD u ppubblikat diversi artikli u features onlajn fuq logħob responsabbli li jolqtu ġenituri, tfal, individwi u familji bħala prevenzjoni. Dan filwaqt li minn Marzu sa Ġunju 2020, il-Fondazzjoni rnexxielha b’suċċess tkompli toffri s-servizz tagħha tal-linja ta’ għajnuna 1777 b’mod remot, fejn aktar irġiel milli nisa użaw din il-linja ta’ għajnuna għall-ewwel darba mill-2015, u fejn nofs it-telefonati saru mill-persuni li xtaqu appoġġ fir-rigward tal-vizzju tal-logħob tal-azzard.
Il-Ministru Schembri faħħar ix-xogħol tal-Fondazzjoni matul is-snin li rat li dejjem tkun punt ta’ kuntatt għall-vittmi bl-aħjar għodod neċessarji. “Għalhekk se naraw li fiż-żmien li ġej il-ħidma tal-Fondazzjoni tissaħħaħ b’iżjed għarfien permezz ta’ aktar kampanji edukattivi, inkomplu nsaħħu r-riċerka, noffru alternattivi għal-logħob u nkunu ta’ spalla għal dawk kollha li jbatu mill-problema tal-vizzju tal-logħob tal-azzard f’pajjiżna”, qal il-Ministru Schembri. 

Share With: