Il-Caritas titlob reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem il-COLA

Studju ppubblikat minnha juri li koppja b’żewġt itfal jeħtieġu €13,946 fis-sena

Minn Maria Azzopardi

Fis-sena, familja li tinkludi żewġ adulti u żewġt itfal jeħtieġu €13,946.78 filwaqt li familja li tinkludi ġenitur waħdu u żewġt itfal jeħtieġu €11,038.12. Fl-istess waqt familja li tinkludi koppja anzjana ta’ ‘l fuq minn 65 sena teħtieġ €8,156.57 fis-sena. Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-aħħar studju li Caritas Malta għadha kif ippreżentat dwar baġit minimu u essenzjali biex wieħed jgħix ħajja diċenti. Dan ifisser li koppja b’żewġt itfal jeħtieġu €1,162.23 fix-xahar biex jgħixu ħajja diċenti. Din iċ-ċifra żdiedet mill-istudju li kien sar fl-2016 fejn hemmhekk kien ħareġ li koppja b’żewġt itfal teħtieġ €953.83 fix-xahar.

L-istudju li ġie ppreżentat huwa t-tielet fis-sensiela ta’ studji maħruġa mill-Caritas Malta u bħal fl-istudji ta’ qabel, l-għan prinċipiali kien li tiġi ddeterminata l-ispiża ta’ baskett bażiku ta’ oġġetti u servizzi li n-nies kollha għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità. Fost l-affarijiet li l-basket bażiku ta’ affarijiet essenzjali jinkludi huma l-ikel, il-ħwejjeġ, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u oġġetti tad-dar u manutenzjoni. 

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal: “L-iskop ewlieni ta’ dan l-istudju huwa naslu għal x’inhu l-pakkett minimu li l-bniedem għandu bżonn biex jgħix ħajja sempliċi imma diċenti. Dan huwa studju li fl-iskop tiegħu jinforma lill-policy makers biex naslu għal dan il-għan.” 

Spjega li f’dan l-istudju għamlu addattament għall-ħajja tal-lum fejn raw il-bżonnijiet li qed ifeġġu fis-soċjetà tagħna biex anke l-pakkett ikun wieħed addattat għas-soċjetà tal-lum. Semma wkoll li din id-darba għamlu enfasi wkoll fuq l-ispejjeż li jaffaċċjaw familji li għandhom persuna minorenni b’diżabilità.

F’konferenza fejn ġie ppreżentat dan l-istudju, issemma kif jekk wieħed jieħu l-perċentwal tal-oġġetti fil-basket mit-total kollu tal-ispiża tal-baskett, l-istudju juri li l-ikel għandu l-iktar perċentwal għoli fejn nofs il-prezz tal-baskett imur għall-ikel. L-istudju wera li jekk koppja b’żewġt itfal tonfoq 51% mill-prezz tal-basket għall-ikel, dan ifisser €7,121.38 f’sena.

Fl-istess waqt l-istudju juri li l-anzjani, bħala proporzjon mill-baskett, huma l-iktar li għandhom porzjon għoli f’dak li jirrigwardja manutenzjoni tad-dar fejn jaslu f’punt li jkollhom ħafna spejjeż.

Intant, il-Caritas qalet li meta wieħed iżid kemm jiġi jiswa l-użu u manutenzjoni ta’ karozza privata, ikla jew snack f’restaurant darba fix-xahar u kirja ta’ post mill-privat, mingħajr sussidju, l-ispiża togħla għal €17,900.07 fis-sena għall-koppja anzjana, €21,974.62 fis-sena għad-dar ta’ adult wieħed u żewġt itfal u €25,003.28 għad-dar b’żewġ adulti u żewġt itfal.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet għall-politika u r-riċerka għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għal familji bi dħul baxx, Caritas Malta qed tirrakkomanda li terġa’ tinħadem u tiġi riveduta l-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem il-COLA biex verament tkun tista’ tirrifletti l-ħajja kontemporanja kif qed jgħixu n-nies Maltin. Apparti minn hekk, wieħed mill-awturi ta’ dan l-istudju, Andre Bonello semma li għandu jsir tim ta’ riċerkaturi biex jirriċerkaw il-faqar kull sena u li s-60% median income jiġi rivedut. Ġie suġġerit ukoll li ikun hemm tip ta’ karta tal-identità imqar temporanja għal dawk bla saqaf fuq rashom għax peress li m’għandhomx indirizz fiss ma jkunux jsitgħu jieħdu benefiċċji soċjali.

Intant, ilbieraħ ukoll Caritas Malta ppreżentat dan l-istudju lill-Prim Ministru Robert Abela. B’reazzjoni għad-dokument, Abela qal li dan il-gvern huwa impenjat li jibqa’ jkun qrib ta’ għaqdiet bħal Caritas u jaġixxi fuq l-ideat li jippreżentaw. Semma kif il-Caritas qiegħda tkun lejl u nhar preżenti ma’ nies li jkunu għaddejjin minn diffikultajieti varji fis-soċjetà. Żied jgħid li s-sehem tagħhom bħala gvern huwa li jħossu l-polz ta’ dawn l-individwi bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna billi jkomplu jindirizzaw il-faqar f’pajjiżna.

Prof. Piscopo:  “Għandek 50% tal-ispiża tiegħek qed tmur għall-ikel”

Waħda mill-awtriċi ta’ dan l-istudju, Prof. Suzanne Piscopo spjegat ma’ dan il-ġurnal li l-istil ta’ ħajja qed jinbidel. “Issa naturalment min qed jixtri qed jixtri dak li huwa essenzjali. L-essenzjali, bħal meta aħna niġu għall-ikel, minn dan l-istudju ħareġ biċ-ċar li għandek 50% tal-ispiża tiegħek qed tmur għall-ikel. L-ikel qed jogħla, qed jisraq iktar minn dak li huwa d-dħul tiegħek biex inti tkun tista’ tgħix. Imma mbagħad għandna sitwazzjonijiet oħra fejn l-anzjani qed jinħolqulhom ħafna spejjeż meta jkollhom in-neputijiet tagħhom pereżempju jew anke minħabba l-fatt, li hija xi ħaġa sabiħa, li qed jgħixu għal iktar żmien imma li jiġri huwa li jinħolqu aktar spejjeż fid-dar għax qed ikollhom ibiddlu ċertu appliances u qed ikollhom jirranġaw iktar fid-dar,” qalet Prof. Piscopo.

Qalet ukoll li l-ispejjeż tal-iskola qed ikunu ta’ sfidi għall-familji. “Anke affarijiet tal-iskola pereżempju għandna skema li hija tajba, li hija scheme 9 min-naħa tal-gvern fejn inti jekk tkun familja bi dħul baxx u għandek it-tfal, inti għandek aċċess biex tieħu għajnuna jew bħala li tieħu l-uniformi b’xejn jew li tieħu grant fil-bidu tas-sena biex tixtri stationery lit-tfal jew inkella li jkollok il-packed lunch b’xejn għat-tfal tul is-sena kollha. Aħna qed nirrikomandaw, imma mhux waħda biss, li meta jkollok sitwazzjoni ta’ familja bi dħul baxx, ikunu eliġibbli għat-tlieta li huma għax qed jgħidulna li qed ikollhom ħafna spejjeż tal-iskola.”

Żiedet tgħid: “Din is-sena fil-basket daħħalna ġdid ammont ta’ flus biex ikunu jistgħu jagħmlu xi attivitajiet kulturali. Hawn ħafna affarijiet b’xejn imma ġieli jkollok bżonn tħallas. Il-ġenituri qalulna li kemm bejn attivitajiet kulturali u kemm bejn sport, allavolja hawn ħafna affarijiet issusidjati, xorta jkunu jixtiequ jibgħatu lit-tfal għal ċertu affarijiet imma ma jlaħqux ma’ dik l-ispiża.”

Share With: