Il-BOV jirbaħ l-unur tal-Workplace Health Initiative

Il-Bank of Valletta kiseb l-ewwel post fil-kompetizzjoni tal-Inizjattiva tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fil-Kategorija tan-Negozji Kbar tal-2020.

Din il-kompetizzjoni kienet organizzata mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-implikazzjonijiet tal-obeżità fuq is-saħħa. Il-Bank nieda kampanja bit-tema “Project Health @BOV” bbażata fuq informazzjoni, attivitajiet u nutrizzjoni, sabiex iħeġġeġ lill-impjegati jħaddnu stil ta’ ħajja attiva u aktar b’saħħitha.

Il-Project Health @BOV ipprovda informazzjoni lill-impjegati u lill-pubbliku ġenerali dwar x’jikkawża l-obeżità u l-kundizzjonijiet negattivi li din iġġib magħha. Il-kampanja ffukat ukoll fuq stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha, dieta aħjar kif ukoll l-benefiċċji ta’ għażliet sempliċi bħal li tixrob aktar ilma u tuża t-taraġ minflok il-lift. Matul il-kampanja, il-Bank organizza sfidi u attivitajiet speċjali biex iħeġġu lill-impjegati jaddottaw stil ta’ ħajja aktar attiva u aktar b’saħħitha.

Huwa u jirċievi dan il-premju, Charles Azzopardi, Eżekuttiv PR & Marketing fi ħdan il-Bank of Valletta rringrazzja lid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard talli jorganizza dawn it-tip ta’ inizjattivi. “Aħna kburin li rbaħna din il-kompetizzjoni, grazzi għall-istaff tagħna li dejjem jipparteċipaw b’ħafna entużjażmu. Pero’ kburin wkoll li dak li nagħmlu bħala bank huwa konformi mal-impenn tagħna lejn il-valuri Ambjentali, Soċjali u Governanza (ESG) biex niżguraw stil ta’ ħajja aħjar u nippromwovu l-benesseri kemm tal-impjegati tagħna kif ukoll tal-komunità.”

“Bir-rata għolja ta’ persuni li jbatu mill-obeżità u piż żejjed li hawn f’Malta, inizjattivi bħal dawn huma ta’ importanza kbira għax iservu biex joħolqu kuxjenza dwar kemm hu importanti li l-għażliet favur is-saħħa għandhom jiġu nkorporati fir-rutina tagħna. Fil-Bank of Valletta, naħdmu bis-sħiħ biex nagħtu s-sehem tagħna sabiex ngħinu biex nispiraw aktar nies jaddottaw stil ta’ ħajja aħjar u aktar b’saħħitha.”

Share With: