Il-bars u l-każini se jinżammu magħluqin anke f’Marzu; Mistennijin li jittaffew uħud mill-miżuri fid-djar tal-anzjani

Bars u każini se jinżammu magħuqin matul ix-xahar ta’ Marzu. Fl-istess waqt ir-restrizzjonijiet ta’ wħud mid-djar tal-anzjani se jkunu qed jittaffew minħabba s-suċċess tal-vaċċinazzjoni. Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Fearne qal li minkejja li l-programm ta’ vaċċinazzjoni f’Malta miexi b’ritmu tajjeb, huwa importanti li wieħed jibqa’ josserva l-linji gwida dwar id-distanza soċjali.

Saħaq li għaldaqstant ħa d-deċiżjoni biex jestendi l-perjodu ta’ għeluq għal bars u każini sal-aħħar ta’ Marzu. Fir-rigward tar-ristoranti qal li il-curfew sal-11.00 p.m. li ġiet fis-seħħ għax-xahar ta’ Frar kienet se tiġi estiża sa nofsillejl.

Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li l-vaċċin tal-AstraZeneca, li l-użu tiegħu kien ristrett għal dawk li kellhom inqas minn 55 sena, issa se jibda jiġi amministrat ukoll lil dawk li għandhom bejn 55 u 65 sena. Dan wara pariri li ngħataw minn kumitat xjentifiku.

Saħaq ukoll li mit-8 ta’ Marzu dawk li għandhom bejn il-75 u t-80 sena se jibdew jirċievu l-appuntamenti għat-tilqim tagħhom.

Fearne qal ukoll li wara li ħadd minn dawk li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin ma ddaħħal l-isptar għall-kura, se jkunu qed jittaffew uħud mill-miżuri li attwalment huma fis-seħħ fid-djar tal-anzjani.

Huwa qal ukoll li hemm diversi raġunijiet għan-numru għoli ta’ każi ġodda li qed jiġu reġistrati, fosthom ir-rapid testing.

Share With: