Il-Bank Ċentrali jara ftit tal-irkupru ekonomiku

Bejn Lulju u Settembru li għadda l-Bank Ċentrali ta’ Malta osserva li l-ekonomija lokali rkuprat xi ftit meta mqabbla mal-andament tagħha fit-tliet xhur preċedenti.

Fl-analiżi tiegħu għall-imsemmi perjodu huwa jgħid li matul it-tielet kwart tal-2020 l-ekonomija kibret b’7.4% wara tnaqqis fl-ewwel kwart u fit-tieni kwart tas-sena.

Huwa jattribwixxi dan għal żieda fil-konsum privat li kien aktar minn 20% fuq l-iktar livell baxx reġistrat bejn April u Ġunju.

Fl-istess waqt il-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħid li f’termini reali l-ekonomija naqset b’9.9% li kien tnaqqis iżgħar fuq it-tieni kwart meta l-ekonomija ċkienet b’16.1%.

Ir-rapport tiegħu juri wkoll li t-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali niżlet fl-iktar livell baxx mill-2003 anke jekk xorta baqa’ f’livell pożittiv ta’ 1.9%.

Nota oħra pożittiva li identifika l-Bank Ċentrali ta’ Malta kienet li kemm in-numru ta’ ħaddiema kif ukoll dak tal-impjiegi komplew jiżdiedu anke jekk b’rata inqas baxxa li wasslu għal żieda fil-qgħad.

Huwa innota li r-rata tal-qgħad kienet ta’ 4.6%, ftit ogħla mir-rata ta’ 4.4% fit-tieni trimestru (April-Ġunju) u r-rata ta’ 3.7% irreġistrata sena qabel. 

Madankollu r-rata tal-qgħad f’Malta baqgħet ferm tħat ir-rata medja taz-Zona Ewro ta’ 8.4% u relattivament baxxa storikament fid-dawl tat-tnaqqis qawwi ħafna fl-attività.

“Dan jirrifletti l-miżuri ta’ appoġġ qawwi tal-Gvern u l-arranġamenti għall-ħinijiet iqsar tax-xogħol intiżi sabiex itaffu l-impatt tal-miżuri ta’ trażżin tal-Covid19 fuq il-qgħad”.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jjirreferi wkoll għall-inflazzjoni fejn isostni li bejn Lulju u Settembru din battiet minn 1% f’Ġunju u għal 0.5% f’Settembru dovuta għal tkabbir inqas mgħaġġel fil-prezzijiet tal-ikel u fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti industrijali jhux marbutin mal-enerġija.

Dwar il-finanzi pubbliċi jgħid li l-impatt tal-pandemija u l-miżuri ta’ għajnuna tal-Gvern wasslu għal żieda fil-bilanċ ġenerali bid-defiċit bejn Lulju u Settembru jkun ta’ 8% meta fit-tliet xhur ta’ qabel kien ta’ 5.1%.

Share With: